Jeskala l-kunflitt jew iċedi? L-ultimatum ta' Trump

Mark Rutte iddikjara li huwa “assolutament konvint” li n-NATO għandha l-kapaċità terġa’ tiftaħ l-Istrett ta’ Hormuz, hekk kif it-tensjonijiet fir-reġjun qed ikomplu jiżdiedu... F’atmosfera polarizzata għall-aħħar Trump irid jevita li jidher li se jċedi faċilment. Min-naħa l-oħra t-tmexxija tal-Iran m’għandhiex x’titlef, u min-naħa tagħhom ma jridux jidrhu li qed ‘jobdu’ lil Trump

Mark Rutte iddikjara li huwa “assolutament konvint” li n-NATO għandha l-kapaċità terġa’ tiftaħ l-Istrett ta’ Hormuz, hekk kif it-tensjonijiet fir-reġjun qed ikomplu jiżdiedu. Din id-dikjarazzjoni tindika azzjoni minn xi pajjiżi tan-NATO. Skont Rutte, 22 pajjiż, inklużi membri tan-NATO u sħab bħall-Ġappun u l-Awstralja, qed jaħdmu flimkien biex jipproteġu t-traffiku marittimu u jiżguraw il-moviment sikur tal-vapuri. Trump u Iżrael attakkaw lill-Iran mingħajr ma kkonsultaw mal-alleati tagħhom u s’issa l-ebda alleat ma’ ngħaqad mal-Istati Uniti f’attakki fuq l-Iran. Rutte huwa magħruf li jipprova jagħmilha ta’ pont bejn Trump u l-alleati Ewropej tan-NATO, speċjalment wara t-theddid ta’ Trump li jiaħtaf lil Greenland militarment.

Rutte, is-segretarju ġenerali tal-alleanza militari kien qed jitkellem fuq l-ultimatum ta’ 48 siegħa li l-president tal-Istati Uniti Donald Trump ta lill-Iran. L-ultimatum jiskadi 23.44h GMT, iġifieri x'is-siegħa nieqes kwart ta’ filgħodu fil-lejl bejn nhar it-Tlieta u l-Erbgħa li ġejjin. Trump qal li jekk l-Iran ma jiftaħx mill-ġdid l-istrett , wieħed mill-aktar rotot kruċjali għat-trasport taż-żejt fid-dinja l-Istati Uniti jattakkaw l-infrastruttura tal-enerġija tal-Iran. Mill-bidu tal-kunflitt, it-traffiku marittimu naqas sa 95%, u l-prezzijiet globali taż-żejt żdiedu b’mod qawwi.

Hekk kif l-iskadenza qed toqrob hemm diversi opinjonijiet ta’ x’jista’ jiġri. Tliet xenarji possibbli huma: azzjoni militari limitata, eskalazzjoni kbira b’attakki fuq impjanti tal-enerġija, jew l-inqas probabbli, de-eskalazzjoni parzjali. B’żewġ naħat li ma jridux iċedu, ir-riskju ta’ kunflitt fit-tul jibqa’ għoli. Donald Trump irid jevita li jidher dgħajef. Wieħed mill-‘laqmijiet’ jew titli li jingħata Trump mill-avversarji huwa TACO, li tfisser Trump Always Chickens Out. F’atmosfera politika polarizzata għall-aħħar f'pajjiżu, Trump irid jevita li jidher li se jċedi faċilment. Min-naħa l-oħra t-tmexxija tal-Iran m’għandhiex x’titlef, u min-naħa tagħhom ma jridux jidrhu li qed jobdu lil Trump.

 

More in Barranin