L-Unjoni Ewropea ħabbret illi se tibda tappoġġja riżoluzzjoni għall-kunflitt tas-Saħara tal-Punent illi hija bbażata fuq il-Pjan tal-Awtonomija tal-Marokk. Dan tħabbar wara laqgħa tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Marokk li saret nhar il-Ħamis.
Din il-laqgħa ssegwi snin ta’ tensjonijiet bejn il-Marokk u l-Unjoni Ewropea, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ħarġet ġudizzju fejn ikkundannat il-ftehim kummerċjali bejn il-Marokk u l-Unjoni Ewropa minħabba li dan inkluda lit-territorju tas-Saħara tal-Punent.
Fil-ġudizzju tagħha, il-Qorti tenniet li l-ftehim kien wieħed illegali minħabba li l-preżenza tal-Marokk fis-Saħara tal-Punent tirriżulta fi ksur tal-liġi internazzjonali
Is-Saħara tal-Punent huwa territorju fl-Afrika ta’ Fuq illi ilu illegalment okkupat mill-Marokk sa mill-1975 wara t-tluq ta’ Spanja, hekk kif f’dak iż-żmien, il-Marokk invada t-territorju minkejja li l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-poplu Saħrawi għandu d-dritt għall-indipendenza.
Bejn l-1975 u l-1991, il-Front Polisario, ir-rappreżentanti tal-poplu Saħrawi, iġġieled gwerra ta’ liberazzjoni bl-għan illi t-territorju jikseb l-indipendenza tiegħu mill-okkupazzjoni illegali tal-Marokk.
Fl-1991, ġie in-Nazzjonijiet Uniti innegozjat ftehim tal-waqfien mill-ġlied bejn il-partijiet bil-kundizzjoni li jseħħ referendum għall-indipendenza tat-territorju; liema referendum baqa’ qatt ma sar.
Għall-laqgħa li saret nhar il-Ħamis, illi kienet immexxija ir-Rappreżentanta Għolja għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurta’ tal-Unjoni Ewropea Kaja Kallas u mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Marokk Nasser Bourita, attenda wkoll id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg.
Borg ilu jappoġġja l-pożizzjonijiet tal-Marokk rigward dan il-kunflitt sa mill-2023, fejn ħabbar li Malta hija lesta li tappoġġja l-proposta tal-Marokk sabiex jipprovdi awtonomija limitata għat-territorju. Madanakollu, Malta fl-2020 kienet ikkjafirikat illi hija tappoġġja l-organizzar ta’ referendum għall-indipendenza tat-territorju.
Ħafna esperti legali u għaqdiet internazzjonali huma xettiċi dwar il-legalita’ ta’ awtonomija limitata taħt sovranita’ Marokkina bħala soluzzjoni għall-kunflitt. Dan minħabba l-fatt illi l-Marokk m’għandux mandat legali rikonoxxut sabiex jamministra lit-territorju.
Minn sena għall-oħra, bosta organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fosthom Amnesty International u Human Rights Watch jikkundannaw l-persekuzzjoni u l-oppressjoni tal-gvern Marokkin fil-konfront tas-Saħrawi.