Trump jgħid li l-Istati Uniti se tkun qiegħda "tnaqqas" is-sehem tagħha fil-gwerra fl-Iran

L-Istati Uniti qiegħda tikkunsidra okkupazzjoni tal-Gżira Kharg, gżira strateġikament importanti fil-Golf Persjan li tista’ tgħin lill-Istati Uniti sabiex tistabbilixxi kontroll aktar qawwi fuq l-Istrett ta’ Hormuz

Ritratt: US Central Command.
Ritratt: US Central Command.

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump ta sinjal li l-Istati Uniti tista' tkun qiegħda "tnaqqas" l-intensita' tal-gwerra tagħha kontra l-Iran hekk kif il-kunflitt jidħol fit-tielet ġimgħa tiegħu.

Trump kiteb fuq il-pjattaforma Truth Social li l-Istati Uniti qiegħda toqrob lejn l-għanijiet strateġiċi tagħha u kienet qiegħda tikkunsidra li tnaqqas l-involviment militari tagħha fil-Lvant Nofsani.

Il-kumment tiegħu jasal minkejja rapporti li iżjed truppi Amerikani qegħdin imorru lejn ir-reġjun.

Matul l-aħħar ftit jiem, l-Istati Uniti kienet qiegħda tikkunsidra li tniedi okkupazzjoni fuq il-gżira Kharg, gżira strateġikament importanti fil-Golf Persjan li tista' tgħin lill-Istati Uniti jkollha kontroll aktar qawwi fuq l-Istrett ta' Hormuz.

L-imblokk tal-Istrett ta' Hormuz imponut mill-Iran; rotta kruċjali għal madwar 20% tal-konsenji globali taż-żejt u l-gass; flimkien ma' attakki ripetuti fuq faċilitajiet tal-enerġija reġjonali, żiedu l-prezzijiet taż-żejt b'mod drastiku.

Il-kummenti ta' Trump dwar it-"tnaqqis" tal-operazzjonijiet militari tal-Istati Uniti kif ukoll l-ispekulazzjoni dwar l-okkupazzjoni tal-Gżira Kharg jikkuntrastaw ma' dak li ntqal qabel.

Matul il-gwerra, Trump jidher li rrifjuta waqfien mill-ġlied u negozjati mal-Iran. Huwa kien ukoll xettiku fir-rigward ta' intervent militari fuq l-art min-naħa tal-Istati Uniti fuq l-Iran.

Bit-tħassib dejjem jikber dwar it-tfixkil fil-provvista taż-żejt u ż-żieda fil-prezzijiet, id-Dipartiment tat-Teżorerija tal-Istati Uniti ħabbar tnaqqis temporanju tas-sanzjonijiet fuq iż-żejt Iranjan illi kien diġà tgħabba fuq il-vapuri.

Matul l-aħħar ftit jiem, Trump kien dejjem aktar kritiku tal-alleati tradizzjonali tal-Istati Uniti, hekk kif qagħdu pass lura milli jgħinu lill-Istati Uniti sabiex jiżguraw aċċess ħieles mill-Istrett ta’ Hormuz.

L-Iran wettaq serje oħra ta’ attakki b’drones u missili mmirati lejn l-Għarabja Sawdija u l-Iżrael, wara rimarki mill-mexxej suprem tiegħu Mojtaba Khamenei, li sostna li l-pajjiż kien ta daqqa ta’ ħarta qawwija lill-avversarji tiegħu.

More in Barranin