Għall-ewwel darba f'sekli, l-Insara Palestinjani miċħuda milli jiċċelebraw Ħadd il-Palm

Dan wara li l-forzi Iżraeljani ma ħallewx lil żewġ mexxejja Kattoliċi għolja jiċċelebraw il-quddiesa ta' Ħadd il-Palm fil-Knisja tas-Sepurklu Mqaddes f'Ġerusalemm, f'mossa li ġibdet kritika qawwija internazzjonali hekk kif l-iżrael ikompli jostakola l-libertà tal-qima f'Ġerusalemm

Il-Knisja tas-Sepurklu Mqaddes f'Ġerusalemm (Wikimedia Commons).
Il-Knisja tas-Sepurklu Mqaddes f'Ġerusalemm (Wikimedia Commons).

Il-forzi Iżraeljani mblukkaw żewġ mexxejja Kattoliċi għolja milli jaslu sal-Knisja tas-Sepulkru Mqaddes f’Ġerusalemm tal-Lvant okkupata biex jiċċelebraw il-quddiesa ta’ Ħadd il-Palm.

Il-Patrijarkat Latin ta’ Ġerusalemm u l-Kustodja tal-Art Imqaddsa qalu li l-Kardinal Pierbattista Pizzaballa, il-patrijarka Latin, u Dun Francesco Ielpo, kustodju tal-Art Imqaddsa, twaqqfu mill-forzi Iżraeljani fi triqthom lejn il-knisja.

Il-mexxejja kienu qegħdin jppruvaw jidħlu privatament mingħajr ebda purċissjoni ċerimonjali jew laqgħa pubblika, iżda ma tħallewx jidħlu.

L-organi tal-knisja qalu li din kienet l-ewwel darba f’sekli li l-kapijiet tal-Knisja Kattolika ma tħallewx jiċċelebraw il-quddiesa ta’ Ħadd il-Palm fil-Knisja tas-Sepulkru Mqaddes.

Huma qalu li “dan l-inċident huwa preċedent gravi, u jinjora s-sensibilitajiet ta’ biljuni ta’ nies madwar id-dinja li, matul din il-ġimgħa, iħarsu lejn Ġerusalemm.”

Il-mossa ta' Iżrael ġibdet kritika qawwija fil-fora internazzjonali, hekk kif din il-mossa ġiet ikkritikata anke minn diversi pajjiżi Ewropej li huma magħrufin li għandhom tendenzi pro-Iżrael.

L-Italja sejħet lill-ambaxxatur ta’ Iżrael f’Ruma, bil-Prim Ministru Giorgia Meloni ssejjaħ id-deċiżjoni “offiża għall-fidili”.

Il-President Franċiż Emmanuel Macron qal li l-libertà tal-qima “għar-reliġjonijiet kollha” trid tkun garantita f’Ġerusalemm.

“Jiena nikkundanna din id-deċiżjoni mill-pulizija Iżraeljana,” kiteb fuq X, u wissa li din il-mossa żżid ma’ “sensiela inkwetanti” ta' manuvri min-naħa tal-Iżrael li jaffettwaw postijiet imqaddsa u li jiksru l-prinċipju tal-libertà tal-qima.

Wara r-reazzjoni negattiva, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ta’ Iżrael qal li l-pulizija se tiltaqa’ mal-Kardinal Pizzaballa sabiex “tesplora soluzzjonijiet li jippermettu rutina normali kemm jista’ jkun filwaqt li tiżgura s-sigurtà pubblika”.

L-għeluq ta’ Al-Aqsa u ta' knejjes f'Ġerusalemm

L-awtoritajiet Iżraeljani għalqu l-Moskea ta’ Al-Aqsa u l-knejjes Kristjani fil-Belt il-Qadima ta’ Ġerusalemm tal-Lvant minn meta l-qawwiet Iżraeljani u Amerikani nedew l-attakki tagħhom kontra l-Iran ix-xahar li għadda.

Il-pulizija semmiet tħassib dwar is-sigurtà , iżda din l-iskuża li hija miċħuda mill-Palestinjani, li jgħidu li l-għeluq huwa maħsub biex jissaħħaħ il-kontroll illegali ta' Iżrael fuq il-belt okkupata.

L-organi tal-knisja qalu li aġixxew b'mod responsabbli, billi kkonformaw mar-restrizzjonijiet kollha għal aktar minn xahar, inkluż il-kanċellazzjoni ta' laqgħat pubbliċi u l-projbizzjoni tal-attendenza matul l-Għid, meta "mijiet ta' miljuni ta' fidili madwar id-dinja... idawru għajnejhom lejn Ġerusalemm u lejn il-Knisja tas-Sepulkru Mqaddes".

"Li tipprevjeni d-dħul tal-Kardinal u l-Kustodju, li għandhom l-ogħla responsabbiltà ekkleżjastika għall-Knisja Kattolika u l-Postijiet Imqaddsa, tikkostitwixxi miżura manifestament mhux raġonevoli u sproporzjonata b'mod gross," żiedu jgħidu.

Huma kkritikaw id-deċiżjoni bħala waħda "mtebba' minn kunsiderazzjonijiet mhux xierqa" u li tikkostitwixxi fi "tbegħid estrem mill-prinċipji bażiċi tar-raġuni, il-libertà tal-qima, u r-rispett għall-iStatus Quo".

L-iStatus Quo jirreferi għal sett ta' arranġamenti li ilhom jeżistu u rikonoxxuti internazzjonalment li jiggarantixxu awtorità Nisranija fuq il-knejjes f'Ġerusalemm u awtorità Musulmana fuq il-Moskea ta' Al-Aqsa.

Iżrael ilu għal għexieren ta' snin jikser l-istatus quo billi ffavorixxa żieda fil-preżenza Lhudija fil-belt.

Il-kontroll ta’ Iżrael fuq Ġerusalemm tal-Lvant, inkluża l-Belt il-Qadima, huwa meqjus b’mod wiesa’ bħala ksur tal-liġi internazzjonali, li tgħid li potenza okkupanti m’għandha l-ebda sovranità fuq it-territorju li tokkupa u m’għandhiex tagħmel bidliet permanenti hemmhekk.

Iżrael ilha tokkupa lil Ġerusalemm tal-Ilvant sa mill-Gwerra tas-Sitt Ijiem fl-1967, u din il-parti tal-belt ilha annessa mill-Iżrael sa mill-1980 wara li l-Knesset għadda liġi b'mod unilaterali li ma tgawdix minn rikonixximent internazzjonali popolari.

Sa mit-twaqqif tal-Iżrael fl-1948, l-awtoritajiet Iżraeljani ħadu diversi miżuri diskriminatorji li laqtu b'mod indiskriminat lill-Palestinjani Nsara fl-Iżrael u fit-territorji Palestinjani li huma okkupati mll-Iżrael.

Dawn il-miżuri, li jinkludu t-tkeċċija sforzata ta' Palestinjani Nsara mill-artijiet tagħhom, qegħdin iwasslu sabiex din l-eqdem komunità Nisranija fid-dinja dejjem qiegħda tonqos fin-numru.

More in Barranin