Attakki bejn l-Istati Uniti u l-Iran matul il-lejl hekk kif l-UAE terġa’ tispiċċa fil-mira

Washington u Tehran jakkużaw lil xulxin li kisru l-waqfien mill-ġlied hekk kif il-ġlied fil-madwar tal-Istrett ta’ Hormuz kompla jeskala

Ritratt: US Central Command/X
Ritratt: US Central Command/X

L-Istati Uniti u l-Iran komplew jiskambjaw attakki matul il-lejl fiż-żona tal-Istrett ta’ Hormuz, b’kull naħa takkuża lill-oħra li kisret il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied.

Fl-istess waqt, l-Emirati Għarab Magħquda qalu li kienu qed jinterċettaw missili u drones li ġew sparati mill-Iran lejn it-territorju tagħhom.

Iċ-Central Command Amerikan (Centcom) qal li l-forzi tiegħu “interċettaw attakki Iranjani mhux provokati” waqt li bastimenti tal-gwerra Amerikani kienu qed jgħaddu mill-Istrett ta’ Hormuz lejn il-Golf ta’ Oman.

Skont Centcom, il-forzi Iranjani sparaw diversi missili, drones u bagħtu dgħajjes żgħar lejn il-vapuri USS Truxtun, USS Rafael Peralta u USS Mason, iżda l-ebda bastiment Amerikan ma ntlaqat.

L-Istati Uniti qalu li r-risposta tagħhom kienet waħda ta’ “awtodifiża”, li kienet tinkludi l-qerda ta’ theddid li kien dieħel kif ukoll attakki fuq faċilitajiet militari Iranjani tul il-kosta.

Il-President Amerikan Donald Trump qal li l-forzi Iranjani sofrew “ħsara kbira”, filwaqt li sostna li diversi dgħajjes Iranjani issa jinsabu “fil-qiegħ tal-baħar”.

Trump hedded ukoll b’rispons “aktar iebes” jekk l-Iran ma jaċċettax ftehim biex jintemm il-kunflitt, għalkemm qal li t-taħditiet bejn iż-żewġ naħat għadhom għaddejjin.

Huwa ddeskriva l-aħħar attakki bħala “love tap” u sostna li l-waqfien mill-ġlied għadu formalment fis-seħħ.

Min-naħa tiegħu, kelliem militari Iranjan akkuża lill-forzi Amerikani li kisru l-waqfien mill-ġlied billi attakkaw vapuri u “żoni ċivili”, filwaqt li qal li l-Iran wieġeb billi attakka bastimenti militari Amerikani.

L-Emirati Għarab Magħquda qalu wkoll li s-sistemi ta’ difiża tagħhom kienu qed jinterċettaw “missili ballistiċi, cruise missiles u drones” li oriġinaw mill-Iran.

Il-pajjiż kien wieħed mill-aktar milquta mill-attakki Iranjani minn meta beda l-kunflitt aktar minn xahrejn ilu.

Sadanittant, il-Pakistan, li qed jaġixxi bħala medjatur ewlieni, qal li hemm ċans tajjeb li jintlaħaq ftehim “aktar kmieni milli tard”.

L-Istati Uniti jidher li bidlu parti mill-fokus tagħhom minn operazzjonijiet offensivi lejn il-protezzjoni ta’ bastimenti kummerċjali li jgħaddu mill-Istrett ta’ Hormuz permezz ta’ operazzjoni msejħa “Project Freedom”.

Rapporti qalu li l-Kuwajt u l-Arabja Sawdija taw permess lill-Istati Uniti biex jużaw il-bażijiet tagħhom għall-operazzjoni.

L-Iran hedded li jieħu passi kontra vapuri li jgħaddu mill-Istrett ta’ Hormuz jekk ma jaċċettawx il-kundizzjonijiet tiegħu, filwaqt li l-Istati Uniti wieġbu billi mblukkaw il-passaġġ għal vapuri li jużaw portijiet Iranjani jew li jaderixxu mar-rekwiżiti Iranjani.

L-aħħar żviluppi komplew iżidu t-tensjoni fis-swieq internazzjonali, b’mod partikolari fis-settur taż-żejt, hekk kif il-prezzijiet komplew jogħlew minħabba tfixkil fil-katina tal-provvista u biża’ ta’ impatt fuq l-inflazzjoni globali.

More in Barranin