Attakki terroristiċi minn gruppi affiljati ma' al-Qaeda u minn separatisti f'Azawad jheżżu lill-Mali

Il-militanti affiljati ma' al-Qaeda magħrufa bħala JNIM u r-ribelli Tuareg li jridu joħolqu stat indipendenti fir-reġjun ta' Azawad wettqu sensiela ta' attakki kkordinatu kontra l-gvern militari tal-Mali fil-kapitali Bamako u fir-reġjun ta' Azawad

Ritratt: Wikimedia Commons.
Ritratt: Wikimedia Commons.

F'attakki simultanji mnedija matul dawn l-aħħar ġranet, alleanza ta' militanti marbuta ma' al-Qaeda u ribelli separatisti qatlu lill-ministru tad-difiża tal-Mali, attakkaw l-ajruport tal-kapitali u keċċew lis-suldati Russi li kienu stazzjonati f'żoni mifruxa fid-deżert.

L-iskala u l-ambitu tal-offensiva f'diversi żoni madwar il-kapitali Bamako u mill-inqas tliet bliet madwar dan il-pajjiż vast fl-Afrika tal-Punent urew kapaċità bla preċedent min-naħa tal-gruppi differenti involuti sabiex jikkoordinaw ġellieda b'għanijiet differenti bl-għan li jniedu attakk konġunt fuq il-gvern militari tal-Mali.

Wara li kkooperaw b'mod laxk għal snin sħaħ, il-militanti affiljati ma' al-Qaeda magħrufa bħala JNIM u r-ribelli Tuareg li jridu joħolqu stat deżert indipendenti fir-reġjun ta' Azawad issa qegħdin jitkellmu apertament dwar il-prospett tal-ħolqien ta' alleanza bejniethom għall-ewwel darba.

Għalissa, il-militanti u r-ribelli jidhru ffukati fuq il-konsolidazzjoni tal-kisbiet tagħhom, ir-reklutaġġ ta' ġellieda u l-kisba ta' trazzjoni politika fil-Mali; kif għamlu r-ribelli tal-Istat Iżlamiku fis-Sirja'; aktar milli jhuma ffukkati fuq it-twettqu ta' attakki barra mill-pajjiż jew li jolqtu interessi barranin fir-reġjun.

Iżda billi ġie assassinat il-Ministru tad-Difiża Sadio Camara b'karozza bomba nhar il-25 ta' April, il-JNIM neħħa mexxej ewlieni, ħoloq vakum fil-poter u qajjem il-prospett ta' kollass fuq skala nazzjonali.

Sadanittant, il-gvern militari tal-Mali qal li s-sitwazzjoni hija taħt kontroll għalkemm il-kap tiegħu, Assimi Goita, ma deherx fil-pubbliku jew għamel xi dikjarazzjonijiet mill-attakki tas-Sibt.

L-offensiva ta’ tmiem il-ġimgħa elevat il-livell tat-talbiet militari u politiċi tal-JNIM, kixfet in-nuqqasijiet fis-sigurta' tal-Mali u l-effettivita' tas-sħubija tagħha mar-Russja, u wriet ukoll il-kapaċità militari formidabbli tal-JNIM u r-ribelli Tuareg.

Mhuwiex magħruf kemm il-gruppi se jkunu jistgħu jaħdmu flimkien, u lanqas kif jistgħu jirregolaw żoni li jridu jikkontrollaw. Iżda hekk kif il-Burkina Faso u n-Niġer ukoll qegħdin jiġġieldu kontra insurrezzjonijiet simili ispirati minn al-Qaeda u l-Istat Iżlamiku, il-gvernijiet madwar is-Saħel huma mdgħajfa ħafna.

Matul sensiela ta’ interventi militari mis-sħab tal-Istati Uniti, Franċiżi, Ewropej, Afrikani u Russi matul dawn l-aħħar 20 sena, il-militanti u r-ribelli fil-pajjiż sempliċement immultiplikaw l-oqsma ta’ operazzjoni tagħhom.

Osservaturi u analisti qegħdin iwissu li jekk is-sitwazzjoni tiddeterjora u l-gruppi jibdew jitbiegħdu mill-aġenda lokali attwali tagħhom, dawn il-grupp jistgħu eventwalment jibdew jheddu lill-Ewropa u lill-Istati Uniti.

Snin ta' theddid separatista u terroristiku.

Is-separatisti Tuareg u l-militanti marbuta ma' al Qaeda daħlu fil-Mali għall-ewwel darba fl-2012, u dan wassal għal intervent militari Franċiż li ġiegħelhom lura lejn il-bażijiet tagħhom fid-deżert; għall-inqas għall-ewwel.

Eluf ta' forzi taż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Unti intbagħtu fil-Mali u l-Istati Uniti waqqfu bażi ta' drones ta' $100 miljun fin-Niġer sabiex jagħmlu moniteraġġ fid-deżert.

Madankollu, l-militanti u r-ribelli reġgħu ngħaqdu flimkien, u komplew iwettqu sensiela ta' attakki fil-Mali u saħansitra espandew f'pajjiżi ġirien bħall-Burkina Faso u n-Niġer.

Frustrati bin-nuqqas ta' azzjoni mill-gvernijiet sabiex jikkontrollaw is-sitwazzjoni, uffiċjali militari ħatfu l-poter fit-tliet pajjiżi u wiegħdu li jirrestawraw is-sigurta' fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.

Wara sekli ta' kolonjaliżmu u sfruttament ekonomiku min-naħa tal-Punent; l-iżjed min-naħa ta' Franza; l-uffiċjali militari keċċew il-forzi tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Punent, u bdew ifittxu għajnuna militari mingħand ir-Russja.

Iżda matul l-aħħar sena, l-Iżlamiċi imponew assedju madwar Bamako u wettqu mblokk li beda jillimita l-aċċess tal-fjuwil lejn il-kapitali.

Matul dawn l-aħħar ġranet, ir-residenti ta' Bamako rrappurtaw li nnutaw gruppi militanti jiċċaqalqu liberament bil-vetturi tagħhom fil-periferija tal-kapitali fid-dawl tax-xemx għall-ewwel darba. 

Filwaqt li l-militar kien qed jitħabat sabiex jiddefendi lil Bamako, ir-ribelli alleati mal-JNIM nediet attakki simultanji fuq mill-inqas tliet bliet oħrajn; hekk kif il-forzi tas-sigurtà sabu lilhom infushom mhux ippreparati sabiex jirrispondu għal dawn l-attakki fl-istess ħin.

Bażijiet militari f'Sevare, f'nofs il-Mali, u Gao, l-akbar belt fit-tramuntana, ġew attakkati għal sigħat sħaħ.

 

Ritratt: Wikimedia Commons.
Ritratt: Wikimedia Commons.

Sadanittant, il-grupp separatista tat-Tuareg, magħruf bħala l-Azawad Liberation Front (FLA), għolla l-bandiera tiegħu f'Kidal, belt li tinsab qrib il-fruntiera mal-Alġerija u li hija meqjusa bħala d-dar spiritwali tat-Tuareg li jixtiequ joħolqu stat fis-Saħara.

Il-qbid ta' Kidal irrevoka wieħed mill-ftit kisbiet tanġibbli li għamel il-gvern fl-2023, meta keċċa r-ribelli tal-FLA bl-appoġġ militari Russu.

It-Tuareg; illi huwa grupp Beberu li tradizzjonalment jgħix ħajja nomadika u li ilu jabita d-Deżert tas-Saħara għal sekli sħaħ; kien diġa' waqqaf stat indipendenti fir-reġjun ta' Azawad fit-Tramuntana tal-Mali fl-2012.

Madanakollu, l-istat baqa' mhux rikonoxxut mill-komunita' internazzjonali u sfaxxa fix-xejn fi żmien sena wara li ġie nnegozjat ftehim ta' waqfien mill-ġlied.

Minn meta tkeċċew it-truppi Franċiżi u tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Mali ddependiet ħafna fuq Moska għall-appoġġ militari, inizjalment minn Wagner u aktar reċentement bi truppi mill-Africa Corps, forza aktar marbuta mal-gvern Russu.

Bħalissa hemm madwar 2,500 Russu stazzjonati f'20 bażi fil-Mali, skont Investigations with Impact (INPACT), grupp li jeżamina l-operazzjonijiet Russi.

It-truppi Russi ġew stazzjonati flimkien mal-armata tal-Mali għalkemm kien hemm tensjonijiet bejn iż-żewġ forzi militari. L-attakki matul dawn l-aħħar ġranet urew il-limitazzjonijiet ta' dan l-appoġġ.

L-FLA qalet li t-truppi Russi kienu qed jirtiraw minn Kidal wara li ntlaħaq ftehim. Filmati fuq il-midja soċjali wrew konvoj ta' trakkijiet li jġorru suldati barranin isuqu fit-toroq ramlija tal-belt.

L-INPACT qalet li madwar 200 Russu telqu minn Kidal.

Il-ministeru tal-affarijiet barranin tar-Russja qal li l-attakki ta' dawn l-aħħar ġranet qegħdin jiġu indirizzati, hekk kif l-isforzi sabiex jiġu eliminati l-insurġenti għadhom għaddejjin. Madankollu għadu mhux ċar kemm ir-Russja lesta tkun impenjata sabiex tindirizza s-sitwazzjoni fil-Mali.

L-ebda soluzzjoni militari fil-qrib.

Wara li żammew relazzjoni ambigwa għal snin sħaħ; billi kien hemm xi mumenti ta' kooperazzjoni minkejja l-ambizzjonijiet kontradittorji tagħhom; l-FLA u l-JNIM issa ngħaqdu pubblikament.

Ossevaturi u analisti qegħdin jinnutaw li iż-żewġ gruppi ''huma 100% flimkien, għall-inqas fuq livell tattiku," hekk kif l-attakki mwettqa fit-tramuntana huma mmexxija mill-FLA u l-attakki fiċ-ċentru u fin-nofsinhar qegħdin jitwettqu mill-JNIM.

Il-kooperazzjoni, mibnija fil-biċċa l-kbira fuq il-pragmatiżmu, tgħaqqad u tiżgura rappreżentanza minn firxa wiesgħa ta' komunitajiet etniċi madwar il-Mali.

Fl-2012, il-movimenti ħadmu wkoll flimkien qabel ma l-militanti tal-JNIM għelbu lis-separatisti tal-FLA minħabba diżgwid bejn il-gruppi. Huwa maħsub li l-JNIM jibqa' l-forza dominanti fir-relazzjoni.

L-alleanza bejn iż-żewġ gruppi tibqa' strutturalment fraġli, hekk kif ż-żewġ atturi jsegwu proġetti politiċi distinti, u f'ċerti aspetti inkompatibbli.

L-FLA ilha tenfasizza li hija organizzazzjoni sekulari li qiegħda tfittex li toħloq stat indipendenti fit-Tramuntana, u tisħaq li kienet ħadmet mal-forzi Franċiżi meta dawn kienu qegħdin jiġġieldu kontra l-militanti tal-JNIM. ⁠Bħala fergħa ta' al-Qaeda, il-JNIM imbuttat aġenda ġiħadista.

Il-JNIM jidher dejjem iżjed ispirat mit-trasformazzjoni li seħħet fis-Sirja u qiegħed ifittex li jiddistanzja ruħu mill-qalba ta' al-Qaeda u t-tikketta "terroristika" tiegħu billi jiggverna b'sistemi paralleli ta' ġustizzja, tassazzjoni u pulizija f'żoni li qiegħed jikkontrolla.

B'riżultat ta' dan, atturi internazzjonali qegħdin jiġu mħeġġa sabiex isibu modi kif jinvolvu ruħhom f'xi tip ta' djalogu, hekk kif jidher li m'hemm l-ebda soluzzjoni militari għal dan il-kunflitt.

More in Barranin