Il-parlament ta’ Iżrael, il-Knesset, ivvota nhar it-Tnejn dwar il-qari finali ta’ abbozz ta’ liġi li jippermetti l-piena tal-mewt għal priġunieri Palestinjani kkundannati għal “terroriżmu”.
Il-leġiżlazzjoni ġibdet kritika qawwija minħabba l-fatt li tmur kontra d-dritt għall-ħajja u minħabba tħassib li l-applikazzjoni tagħha se tkun potenzjalment waħda diskriminatorja tagħha. Dan hekk kif delinkwenti Palestinjani se jiġu kkundannati għall-piena tal-mewt filwaqt li dawk Iżraeljani x’aktarx jirċievu sentenzi ta’ ħabs għal reati simili.
Nhar il-Ħadd, il-ministri tal-affarijiet barranin tal-Ġermanja, Franza, l-Italja u r-Renju Unit ħeġġew lill-awtoritajiet Iżraeljani sabiex “jabbandunaw” il-vot.
“Aħna partikolarment inkwetati dwar il-karattru diskriminatorju de facto tal-abbozz ta’ liġi,” qalu fi stqarrija konġunta, fejn wissew li jista’ jdgħajjef l-impenn ta’ Iżrael lejn il-prinċipji demokratiċi.
“Il-piena tal-mewt hija forma ta’ kastig inuman u degradanti mingħajr ebda effett deterrent… Ir-rifjut tal-piena tal-mewt huwa valur fundamentali li jgħaqqadna.”
Skont Haaretz, il-militar Iżraeljan jemmen li l-leġiżlazzjoni; li hija mfassla mill-partit tal-lemin estrem Otzma Yehudit (Qawwa Lhudija); tista’ tikser il-liġi internazzjonali u tesponi lill-kmandanti għal mandati ta’ arrest potenzjali.
Il-ġimgħa li għaddiet, il-Kumitat tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Knesset approva l-aħħar qari tal-abbozz ta’ liġi minkejja aktar minn 1,000 oġġezzjoni.
Fost tħassib legali, il-Prim Ministru Benjamin Netanyahu kien fittex li jrattab il-kliem oriġinali tal-abbozz ta’ liġi. Madankollu, esperti legali jgħidu li l-kliem attwali xorta jitqies bħala wieħed li jirriżulta fi ksur tal-liġi internazzjonali.
L-abbozz ta’ liġi qajjem tħassib u inkwiet fost il-familji ta’ mijiet ta’ priġunieri Palestinjani li jistgħu jiffaċċjaw eżekuzzjoni taħt din il-liġi l-ġdida.
'Qafas punittiv diskriminatorju'
L-abbozz ta' liġi ġie kkundannat bil-qawwa minn gruppi tad-drittijiet tal-bniedem u esperti legali, li jindikaw l-arresti mifruxa ta' Palestinjani minn Iżrael fuq akkużi wesgħin ta' "terroriżmu" u żieda fir-rapporti ta' tortura u mwiet fil-kustodja minn mindu bdiet il-gwerra fuq Gaża.
Ix-xahar li għadda, grupp ta' esperti tan-Nazzjonijiet Uniti ħeġġew lil Iżrael biex jirtira l-leġiżlazzjoni, u wissew li "sentenzi kapitali obbligatorji huma kuntrarji għad-dritt għall-ħajja".
Osservaturi internazzjonali qajmu wkoll tħassib dwar l-użu propost tal-forka, u qalu li "jammonta għal tortura jew kastig krudili, inuman jew degradanti skont il-liġi internazzjonali".
L-esperti wissew ukoll li l-miżura tista' tiġi applikata b'mod diskriminatorju kontra l-Palestinjani.
Diversi gruppi tad-drittijiet tal-bniedem Iżraeljani; inklużi Adalah, il-Kumitat Pubbliku Kontra t-Tortura f'Iżrael (PCATI), HaMoked u Physicians for Human Rights-Israel (PHRI); ikkundannaw ukoll l-abbozz ta' liġi.
Fi stqarrija konġunta, qalu li l-leġiżlazzjoni tista' timponi l-piena tal-mewt kważi esklussivament fuq il-Palestinjani, u toħloq dak li ddeskrivew bħala "sistema razzjalizzata ta' piena kapitali".
"L-abbozzi ta' liġi huma fost l-aktar miżuri leġiżlattivi estremi u perikolużi qatt proposti minn Iżrael kontra l-Palestinjani," qalu l-gruppi.
Żiedu jgħidu li l-proposta tistabbilixxi "qafas punittiv diskriminatorju", li jċaħħad lill-Palestinjani minn protezzjoni ugwali skont il-liġi, drittijiet għal proċess ġust u salvagwardji kontra t-tortura u t-trattament inuman.
Organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ilhom diċennji jiddokumentaw il-maltrattament tad-detenuti Palestinjani, iżda jgħidu li l-abbużi eskalaw sew minn Ottubru 2023. Mill-inqas 90 priġunier mietu fil-kustodja ta' ħabsijiet Iżraeljani matul dak il-perjodu.
Dan l-aħħar żvilupp f'Iżrael qiegħed ikompli jqajjem tħassib li Iżrael miexi fit-triq sabiex ikompli jadotta iżjed miżuri diskriminatorji kontra l-Palestinjani f'iżrael u fit-territorji illegalment okkupati minnu sa mill-1967; ix-Xatt tal-Punent, Gaża u Ġerusalemm tal-Lvant
Hekk kif Iżrael jinstab akkużat li wettaq ġenoċidju f'Gaża li rriżulta fil-qtil ta' 75,000 persuna, u qiegħed ikompli jinforza s-segregazzjoni razzjali permezz tal-bini ta' settlements illegali fix-Xatt tal-Punent, ħafna qegħdin jinnutaw li Iżrael qiegħed isir jixbah stat apartheid tal-istess grad, u jekk mhux agħar, minn kif kienet l-Afrika t'Isfel qabel l-1990.