Il-gvern Kuban jirrifjuta li jħalli lill-ambaxxata Amerikana f'Ħavana sabiex timporta d-diżil

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump ilu xhur jissuġġerixxi li l-gvern ta’ Kuba jinsab f'xifer illi jikkollassa. Aktar kmieni din il-ġimgħa, Trump qal lill-ġurnalisti li jemmen li dalwaqt se jkollu “l-unur li jieħu lil Kuba”

Ritratt: Wikimedia Commons.
Ritratt: Wikimedia Commons.

Il-gvern Kuban irrifjuta talba mill-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Ħavana sabiex tiġi permessa timporta d-diżil għall-ġeneraturi tagħha waqt li l-amministrazzjoni ta’ Trump tkompli timponi imblokk tal-fjuwil fuq il-gżira, qalu żewġ uffiċjali Amerikani familjari mal-kwistjoni nhar il-Ġimgħa.

Il-gvern irrifjuta t-talba hekk kif id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti kien qiegħed jikkunsidra tnaqqis fil-persunal fl-ambaxxata fil-kapitali Kubana ta’ Ħavana minħabba n-nuqqas ta’ diżil.

Mossa bħal din x’aktarx twassal għal talba mill-Istati Uniti għal tnaqqis simili fil-persunal fl-Ambaxxata Kubana f’Washington, jgħidu l-uffiċjali, li tkellmu bil-kundizzjoni li jibqgħu anonimi.

Ir-rifjut tal-gvern Kuban ġie rrappurtat għall-ewwel darba minn The Washington Post.

Il-White House, id-Dipartiment tal-Istat u l-Ambaxxata Kubana f’Washington ma wieġbux immedjatament għat-talbiet għal kummenti mingħand il-midja.

Kuba ilha titħabat ma' kriżi tal-enerġija minħabba tnaqqis fl-importazzjoni ta' fjuwil minn meta l-Istati Uniti wettqet intervent militari fil-Veneżwela sabiex timblokka l-aċċess ta' Kuba għal konsenji kritiċi taż-żejt mill-Veneżwela, illi kienet alleata sod ta’ Ħavana.

Il-President Donald Trump imbagħad hedded illi jimponi tariffi fuq kwalunkwe pajjiż li jbigħ jew jipprovdi żejt lil Kuba.

Fil-preżent, Kuba qiegħda tiddependi fuq il-gass naturali tagħha stess, l-enerġija solari u ż-żejt tagħha stess sabiex tħaddem impjanti termoelettriċi, iżda dan mhuwiex biżżejjed sabiex tintalaħaq id-domanda.

Ħafna mill-11-il miljun resident tal-gżira qegħdin jitħabtu sabiex iżommu l-ikel milli jitħassar. L-isptarijiet ikkanċellaw l-operazzjonijiet għall-pazjenti, u universitajiet ewlenija naqqset il-klassijiet minħabba l-qtugħ tad-dawl u l-għeluq tat-trasport.

Din is-sitwazzjoni ġiet fis-seħħ hekk kif Trump ilu jagħmel pressjoni għal bidla drammatika fil-gvern immexxi mill-President Kuban Miguel Díaz-Canel. Trump u s-Segretarju tal-Istat Marco Rubio qalu wkoll li jqisu lil Kuba bħala l-pajjiż li jmiss fejn l-Istati Uniti tista' tespandi l-influwenza tagħha.

Huma qegħdin jitolbu, parzjalment, illi Kuba teħles lill-priġunieri politiċi u timxi lejn liberalizzazzjoni politika u ekonomika bi tpattija għat-tneħħija tas-sanzjonijiet.

The Associated Press irrapportat illi l-amministrazzjoni ta’ Trump qiegħda tfittex li Díaz-Canel iħalli l-kariga tiegħu, iżda ma ngħata l-ebda dettall dwar min l-amministrazzjoni tista’ tixtieq tara jitla’ fil-poter.

Trump ilu xhur jissuġġerixxi li l-gvern ta’ Kuba jinsab f'xifer illi jikkollassa. Wara li l-grid tal-elettriku ta’ Kuba waqaf jopera aktar kmieni din il-ġimgħa, u wassal għal qtugħ tad-dawl madwar il-gżira kollha, Trump qal lill-ġurnalisti li jemmen li dalwaqt se jkollu “l-unur li jieħu lil Kuba.”

Għall-President Trump, illi l-Istati Uniti jirnexxielha tinkludi lil Kuba fl-isfera ta' influwenza tagħha tkun kisba sinifikanti għall-presidenza tiegħu.

Kuba ilha mbiegħda mill-isfera ta' influwenza Amerikana sa mir-Rivoluzzjoni Kubana tal-1959, meta rivoluzzjonarji soċjalisti mmexxija minn Fidel Castro rnexxilehom jgħelbu lid-dittatur faxxista pro-Amerikan Fulgencio Batista sabiex jistabbilixxu stat Marxista-Leninista.

Minn dik is-sena 'l quddiem, ir-relazzjonijiet bejn Kuba u l-Istati Uniti kienu kkaratterizzati minn mumenti ta' tensjonijiet kbar; fosthom il-Kriżi tal-Missilli Kubani fl-1962 u l-embargo li l-Istati Uniti imponiet fuq Kuba.

“Li nieħdu lil Kuba f’xi forma... kemm jekk neħlisha, kemm jekk neħodha, naħseb li nista’ nagħmel dak kollu li rrid biha, jekk trid tkun taf il-verità,” qal Trump. “Huma nazzjon imdgħajjef ħafna bħalissa.”

Ritratt: Wikimedia Commons.
Ritratt: Wikimedia Commons.

Trump issuġġerixxa li l-mexxejja Kubani ewlenin ikunu għaqlin jekk jevitaw id-destin tal-eks President Veneżwelan Nicolás Maduro, lili tneħħa f’operazzjoni militari tal-Istati Uniti f’Jannar u ttieħed lejn New York biex jiffaċċja akkużi federali relatati mat-traffikar tad-droga.

Il-Veneżwela kienet l-eqreb alleat ta’ Kuba u pprovdietilha żejt sussidjat ħafna.

Kwalunkwe tnaqqis potenzjali tal-persunal fl-ambaxxata mhux mistenni li jseħħ immedjatament għaliex l-Istati Uniti temmen li għandha biżżejjed diżil fir-riżerva għal xahar ieħor, skont uffiċjal wieħed.

Wieħed mill-uffiċjali qal li l-Ambaxxata Spanjola f’Havana għandha eċċess sinifikanti ta’ fjuwil u offrietu lil ambaxxati Ewropej oħra li qed jiffaċċjaw nuqqasijiet simili, iżda ġiet miċħuda l-permess li tagħmel dan mill-awtoritajiet Kubani.

Ir-riżervi tal-Ambaxxata Spanjola żdiedu bl-importazzjoni preċedenti ta’ diżil maħsub għal lukandi ta’ proprjetà Spanjola fuq il-gżira. Il-biċċa l-kbira, jekk mhux kollha, minn dawk il-lukandi bħalissa huma magħluqa minħabba nuqqas ta’ turisti li jżuru Kuba.

Díaz-Canel qal il-ġimgħa li għaddiet illi Kuba kellha taħditiet mal-gvern tal-Istati Uniti. Din kienet l-ewwel darba li l-gvern Kuban ikkonferma spekulazzjoni mifruxa dwar diskussjonijiet mal-amministrazzjoni Trump f’nofs il-kampanja ta’ pressjoni tal-amministrazzjoni Repubblikana.

Tibda tasal għajnuna umanitarja limitata

Organizzazzjonijiet umanitarji; illi ngħaqdu sabiex tnediet l-inizjattiva ta' konvoj umanitarju imsejjaħ ''Nuesta America''; bdew iwasslu għajnuna lil Kuba bil-baħar nhar il-Ġimgħa, inklużi pannelli solari, ikel u mediċina. 

Il-konvoj umanitarju ġabar flimkien delegati u parteċipanti minn 33 pajjiż differenti, hekk kif attivisti xellugin madwar id-dinja qegħdin jimmobilizzaw sabiex jagħtu l-appoġġ tagħhom lil pajjiż li spiss ġie kkunsidrat bħala ''bastjun kontra l-imperjaliżmu.''

L-attivisti fakkru kif matul is-seklu għoxrin, kienet Kuba illi għenet senza interessi lil pajjiżi bħall-Alġerija, l-Angola u n-Namibja sabiex jiġu dekolonizzati jew illiberati, meta ħafna pajjiżi kienu qajla jagħtu appoġġ għal movimenti ta' liberazzjoni fit-Tielet Dinja.

Oħrajn fakkru wkoll is-sehem kruċjali li Kuba kellha fid-diżintegrazzjoni tar-reġim apartheid fl-Afrika t'Isfel, meta ħafna fil-Punent kienu jikkunsidraw lil Nelson Mandela u l-moviment tiegħu tal-African National Congress bħala terroristi.

Issa, fi kliemhom, huwa sta għad-dinja li tgħin lil Kuba senza interessi fi żmien ta' kriżi għaliha. 

Kuba qiegħda tipprepara wkoll biex tirċievi kunsinna ta’ żejt Russu aktar tard dan ix-xahar, li tkun l-ewwel kunsinna tagħha fl-aħħar tliet xhur.

More in Barranin