Żewġ sessjonijiet ta’ votazzjoni qed isiru dalgħodu fil-Kappella Sistina, hekk kif il-konklavi, il-proċess biex jiġi elett papa ġdid, daħal għat-tieni jum tiegħu. Jekk ma jintgħażel l-ebda papa sa filgħodu, se jsiru żewġ sessjonijiet oħra waranofsinhar.
L-ewwel sessjoni ta’ votazzjoni mistennija tintemm għall-ħabta tal-10:30am ħin lokali. Jekk il-kardinali jaqblu fuq il-Papa l-ġdid, mela duħħan abjad jibda ħiereġ miċ-ċumnija tal-Kappella Sistina. Iżda jekk l-ebda qbil ma jintlaħaq ma joħroġ l-ebda duħħan u l-kardinali jkomplu għat-tieni votazzjoni tal-ġurnata.
Kemm jekk jintgħażel papa jew le, madwar nofsinhar se joħroġ sinjal tad-duħħan ieħor biex jindika r-riżultat tat-tieni votazzjoni. Proċess simili se jseħħ wara nofsinhar jekk ma jintlaħaq l-ebda qbil sa dak iż-żmien.
L-ewwel sessjoni ta’ votazzjoni saret nhar l-Erbgħa filgħaxija, meta beda il-konklavi, iżda ma kien hemm l-ebda qbil u għalhekk ħareġ duħħan iswed għall-ħabta tad-9pm – kif kien mistenni.
Ilbieraħ, madwar 45,000 pellegrin minn madwar id-dinja kienu preżenti f'Pjazza San Pietru jistennew sinjal tad-duħħan. L-istess ħaġa mistennija sseħħ llum hekk kif il-kattoliċi ta' madwar id-dinja qed jistennew il-papa li jmiss.
Papa jiġi elett BISS jekk jakkwista żewġ terzi tal-voti tal-133 kardinal elettur – jiġifieri 89 vot.
Il-Kardinali eletturi huma maqtugħin kompletament mill-midja u qed jitwasslu bejn il-Kappella Sistina, fejn isiru l-votazzjonijiet u r-riflessjonijiet, u Casa Santa Marta – lukanda fil-Vatikan fejn jgħixu matul il-konklavi.
AQRA WKOLL: Konklavi f’dinja li qed tinbidel: Il-Papa l-ġdid u l-viżjoni globali tal-Knisja
Konklavi globalment diversifikat
Dan huwa l-iktar konklavi globalment divers fl-istorja tal-Knisja Kattolika, b’riżultat tad-deċiżjoni tal-Papa Franġisku li jappunta iktar Kardinali mill-Ażja, l-Afrika u l-Amerki. Dan ifisser li l-ebda żewġ blokok kontinentali ma jistgħu waħedhom jiddeċiedu fuq l-għażla tal-Papa jekk jivvutaw skont l-affinità ġeografika.
Il-133 kardinal elettur ġejjin minn 70 pajjiż – żieda notevoli meta mqabbel mal-aħħar konklavi fl-2013 li kellu 115-il kardinal minn 48 nazzjon.
Għalkemm ġew issuġġeriti diversi ismijiet bħala papabbli – kandidati potenzjali għall-pożizzjoni tal-papa – id-diversità ġeografika u d-diviżjonijiet profondi dwar jekk il-Knisja għandhiex tkompli l-viżjoni liberali ta’ Franġisku jew terġa’ lura għal stil iktar tradizzjonali jagħmluha itqal biex jitbassar ir-riżultat.
L-Isqof Taljan Pietro Parolin, li serva bħala l-assistent tal-Papa Franġisku, ħafna drabi ssemma bħala l-iktar kandidat papabbli – diplomatiku moderat qrib it-tradizzjoni ta’ Franġisku iżda inqas liberali. Iżda m’hemm l-ebda garanzija li hu se jkun il-Papa li jmiss.
Fost l-ismijiet oħra msemmija hemm il-Kardinal Filippin Luis Antonio Tagle, l-Amerikan Robert Prevost, Jean-Marc Aveline ta’ Franza, Peter Erdo tal-Ungerija, u t-Taljani Pierbattista Pizzaballa u Matteo Zuppi.
Anke l-Kardinal Malti Mario Grech, li fl-aħħar snin kien is-segretarju ġenerali tas-sinodu – proċess ta’ konsultazzjoni globali mniedi mill-Papa Franġisku – huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-papabbli.
Minkejja li m’hemm l-ebda kandidati uffiċjali, il-Kardinali jiktbu b’mod sigriet l-isem ta’ min jaħsbu li għandu jkun il-Papa li jmiss. Teorikament, kwalunkwe raġel mgħammed u mhux miżżewweġ jista’ jintgħażel bħala papa, iżda storikament il-kardinali dejjem ivvutaw għal wieħed minn tagħhom stess.
AQRA WKOLL: Ambaxxatur għas-Santa Sede: ‘Mario Grech għandu viżibbiltà li ħafna kardinali oħra m’għandhomx’