Live | Ir-Renju Unit jieqaf biex isellem għall-aħħar darba lir-Reġina Eliżabetta f'funeral li qatt ma ra bħalu
Mijiet ta' eluf ta' persuni mistennija jieħdu sehem bis-swali taċ-ċinema u t-teatri wkoll se jintużaw għal dawk li jridu jsegwu l-funeral

minn Yendrick Cioffi

Illum ir-Renju Unit u l-pajjiżi li tagħhom ir-Reġina Eliżabetta II kienet il-Kap tal-Istat waqfu hekk kif ingħata l-aħħar tislima, f’funeral statali li bħalu r-Renju Unit qatt ma ra.
Kmieni dalgħodu, fis-7:30pm (ħin lokali) ingħalaq Westminister Hall fejn mijiet ta’ eluf, tul dawn l-aħħar jiem, sellmu lir-Reġina Eliżabetta, anke jekk kull ma raw kien it-tebut tagħha.
Fil-11:44am, ħin lokali, telqet l-ewwel purċissjoni. Ir-Re Karlu III u membri oħra tal-Familja Rjali mxew wara t-tebut tar-Reġina mpoġġi fuq karru ta’ kanun miġbud mill-baħħara.
Il-purċissjoni telqet minn Westminister Hall sa Westminster Abbey fejn beda l-funeral tar-Reġina li għalih mistennija jattendu madwar 2,000 persuna, inkluż rejiet, irġejjen u kapi ta’ stati oħra.
Malta se tkun irrappreżentata mill-President u s-Sinjura Vella.

Malli ntemmet iċ-ċelebrazzjoni liturġika, ir-Renju Unit kollu waqaf f’żewġ minuti ta’ silenzju nazzjonali, qabel telqet purċissjoni akbar li fiha ħadu sehem mijiet ta’ suldati u baħħara.
Minn Westminister Abbey, it-tebut tar-Reġina issa jitwassal, dejjem miġbud fuq il-karru ta’ kanun sa Wellington Arch.
Mijiet ta’ eluf ta’ persuni mistennija jsegwu dan il-funeral, kemm fit-toroq imma anke minn parks, teatri u swali taċ-ċinema.
Minn Wellington Arch, it-tebut tar-Reġina jiddaħħal fil-hearse li se tinstaq sal-Palazz ta’ Windsor. Anke hawn mistennija eluf ta' persuni tul ir-rotta kollha.

Għall-ħabta tal-4:00pm, ħin lokali, tibda l-aħħar purċissjoni f’Windsor sal-Kappella ta’ San Ġorġ fejn issir l-aħħar ċelebrazzjoni.
Għall-ħabta tat-8:30pm, il-membri tal-Familja Rjali se jirritornaw għad-difna tar-Reġina li se tkun qed issir f’forma privata.
Ir-Reġina Eliżabetta II se tkun qed tindifen flimkien ma’ żewġha, id-Duka ta’ Edinburgh.

Is-simboli fuq it-tebut tar-Reġina
It-tebut tar-Reġina, li nħadem madwar 30 sena ilu, ġie mgħotti bl-Istandard Irjali, il-bandiera uffiċjali tal-Familja Rjali Ingliża.
Hija l-istess bandiera li tittella’ fuq il-palazzi u l-binjiet li fihom ikun qiegħed ir-Re jew ir-Reġina.
Fuq it-tebut tpoġġiet il-Kuruna Imperjali. Din hija l-kuruna li r-Reġina libset dakinhar tal-Inkurunazzjoni, malli tlestiet iċ-ċelebrazzjoni u bdiet il-purċissjoni. Hija l-istess kuruna li libset kważi kull sena fil-Ftuħ tal-Parlament.
Maġenbha tpoġġew ukoll ix-xettru li jintuża mir-Re jew ir-Reġina dakinhar tal-Inkurunazzjoni u li huwa simbolu tal-poter fuq l-art u anke boċċa b’salib fuqha li tirrappreżenta l-Kristjanità u allura l-irwol li l-Monarkija tilgħab biex tiddefendi t-twemmin.

Dawn iż-żewġ Insinji Rjali jintużaw biss dakinhar tal-Inkurunazzjoni.
Il-kuruna ta’ fjuri bojod li tpoġġiet fuq it-tebut għandha wkoll is-simboliżmi warajha. Il-fjuri huma kollha maqtugħa mill-ġnien tal-Palazz ta’ Balmoral fejn mietet ir-Reġina nhar it-8 ta’ Settembru.
Kull fjura tissombolizza xi ħaġa. Fost oħrajn kien hemm il-ward bojod li jirrappreżentaw il-lealtà.
Intant Malta llum qed tosserva ġurnata ta' luttu nazzjonali, bil-bnadar fuq il-binjiet pubbliċi qed jittajru kollha mezz'asta. F'nofsinhar, Malta sellmet ukoll it-tifkira tar-Reġina, b'21 salut mill-kanuni tal-Barrakka ta' Fuq.
Aqra wkoll:
Malta tingħata prijorità fil-purċissjoni tal-funeral statali tar-Reġina Eliżabetta II

