Malta tingħata prijorità fil-purċissjoni tal-funeral statali tar-Reġina Eliżabetta II

L-Imħallef Joseph Galea Debono se jkun qed jimxi ma' entitajiet u persuni oħra li ngħataw il-George Cross, it-tieni l-ogħla premju li r-Renju Unit jista' jagħti

Malta ngħatat prijorità fil-funeral tar-Reġina Eliżabetta II li se jkun qiegħed isir illum fir-Renju Unit, hekk kif l-Imħallef Joseph Galea Debono se jkun qed jimxi quddiem it-tebut fil-purċissjoni solenni madwar it-toroq ta’ Londra.

Bħala l-President tal-George Cross Island Association, Galea se jkun qed jimxi kważi fil-bidu nett ta’ din il-purċissjoni, flimkien ma’ rappreżentanti tar-Royal Ulster Constabulary u anke s-Servizz tas-Saħħa Nazzjonali.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-Assoċjazzjoni ħabbret li l-organizzaturi tal-funeral statali stiednu lil Galea Debono biex jieħu sehem fil-purċissjoni.

Miegħu se jkun qed jimxi wkoll l-eks Ministru Emanuel Mallia li huwa l-Kummissarju Għoli Malti għar-Renju Unit, Anton Borg, li kien it-tabib tar-Re Karlu III u Nerissa Sultana, li hija membru tal-istaff tal-Kummissarjat.

Dawk li kisbu l-George Cross qed jingħataw prijorità f’din il-purċissjoni. Dan huwa t-tieni l-ogħla rikonoxximent li persuna tista’ tingħata fir-Renju Unit.

Fl-1942, ir-Re George VI kien għażel lil jagħti dan il-premju lil Malta b’mod kollettiv u dan minkejja li normalment jingħata lil individwi. Din kienet l-ewwel darba li l-George Cross ma ngħatax lil persuna individwali.

Propju għalhekk li Malta se tkun qed tingħata prijorità fil-purċissjoni.

L-uniku żewġ drabi oħra li l-George Cross ingħata b’mod kollettiv kien fl-1999 meta ngħata lir-Royal Ulster Constabulary u fl-2020 meta ngħata lis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa Ingliż għall-ħidma fi żmien il-pandemija.

Apparti minn hekk, fil-funeral tar-Reġina, Malta se tkun irrappreżentata mill-President George Vella. Huwa se jkun preżenti f’Westminister Abbey flimkien ma’ rejiet, irġejjen u Presidenti oħra, inkluż il-President Amerikan Joe Biden.

Aqra wkoll: 

Live | Ir-Renju Unit jieqaf biex isellem għall-aħħar darba lir-Reġina Eliżabetta f'funeral li qatt ma ra bħalu

Filmat | 'Il-Familja Rjali tqis lil Malta bħala tal-familja' - Il-Prinċep Edward lill-President Vella

More in Politika