Illum waranofsinhar, ir-Re Karlu III flimkien ma' martu Camilla waslu fil-palazz Buckingham. Folla kbira laqgħet ir-Re l-ġdid bl-għajjat ta' 'God save the King' hekk kif il-karozza, bil-bandiera Rjali, waslet quddiem il-palazz.
Qabel daħal fil-Palazz, għall-ewwel darba bħala Re, Karlu III sellem lill-folla preżenti, tkellem ma' xi wħud u anke qatta' ftit tal-ħin jaqra messaġġi li tpoġġew quddiem il-grada tal-palazz.
Wara, minflok bil-karozza, ir-Re u martu daħlu bil-mixi fil-Palazz fejn Karlu III mistenni jkollu l-ewwel laqgħa mal-Prim Ministru Ingliż Liz Truss.
Aktar tard illejla, għall-ħabta tas-7pm (ħin lokali), ir-Re Karlu mistenni jindirizza għall-ewwel darba lir-Renju Unit u lill-pajjiżi tal-Commonwealth, filwaqt li mistenni jsellem il-memorja tar-Reġina Eliżabetta II li mietet ilbieraħ f'Balmoral fl-Iskozja fl-età ta' 96 sena.
Aqra wkoll: Ir-Renju Unit iqum f'luttu; X'se jiġri llum? X'inhuma l-ewwel impenji tar-Re Karlu III?