Ir-Renju Unit iqum f'luttu; X'se jiġri llum? X'inhuma l-ewwel impenji tar-Re Karlu III?
Illum ir-Re Karlu III jibda l-ewwel impenji tiegħu li jinkludu l-ewwel messaġġ lir-Renju Unit u anke l-bidu ta' tħejjija għall-Funeral Irjali
minn Yendrick Cioffi
Kif wieħed jista’ jimmaġina, dalgħodu r-Renju Unit qam f’luttu. Hekk kif ilbieraħ bosta kienu dawk maħsuda bil-mewt tar-Reġina Eliżabetta II, minn dalgħodu tibda era ġdida għar-Renju Unit.
Mil-lum mhux biss jibdew il-preparamenti biex tkun iċċelebrata l-ħajja tar-Reġina li ħabbitha d-dinja, imma anke jibdew l-ewwel impenji tar-Re Karlu III.
Matul il-lejl li għadda, ir-Re Karlu u martu Kamilla, issa Reġina, baqgħu fil-palazz ta’ Balmoral fl-Iskozja. Huma kienu hemm flimkien mal-Familja Rjali biex ikunu viċin ir-Reġina fl-aħħar mumenti tagħha.
X'se jagħmel illum ir-Re Karlu III?
Madanakollu, dalgħodu stess, ir-Re Karlu III, kif għażel li jissejjaħ, se jasal Londra u l-ewwel impenn tiegħu se tkun laqgħa mal-Prim Ministru l-ġdid Liz Truss.
Wara, ir-Re Karlu, jiltaqa’ mad-Duka ta’ Norflok li tradizzjonalment ikun inkarigat mhux biss mit-tranżizzjoni imma anke mill-funeral tar-Reġina, li jkun mifrux fuq diversi jiem, fl-għaxart ijiem li ġejjin.
It-tebut bir-Reġina meta jinġieb lura Londra?
Fil-fatt, issa tibda t-tħejjija, biex ir-Reġina tinġieb lura Londra fejn titpoġġa f’Westminister Hall. Hawn, il-pubbliku jkollu ċans jagħti l-aħħar tislima lir-Reġina, qabel il-purċissjoni u l-Funeral Irjali li ssir fi żmien għaxart ijiem.
Eventwalment, l-aħħar vjaġġ tar-Reġina jkun lejn Windsor fejn tindifen fil-Kappella ta’ San Ġorġ, biswit missierha, ir-Re Ġorġ VI u anke żewġha, il-Prinċep Filippu.
Kif se tingħata tislima llum ir-Reġina Eliżabetta?
Illum ukoll, il-Gvern Ingliż jikkonferma il-luttu nazzjonali, li mistenni jdum madwar 12-il ġurnata filwaqt li l-qniepen ta’ Westminister Abbey, il-Katidral ta’ San Pawl u tal-Kastell Windsor, idoqqu 96 tokk bl-akbar qanpiena, jiġifieri tokk għal kull sena li r-Reġina għamlet ħajja.
L-istess isir permezz ta’ salut bil-kanuni madwar it-Renju Unit.
Għall-ewwel darba wkoll, ir-Re Karlu III jindirizza lin-nazzjon permezz ta’ messaġġ televiżiv. Dan mistenni jixxandar illejla. Fil-messaġġ, ir-Re Karlu jsellem mhux biss lill-ommu imma anke jwiegħed id-dedikazzjoni tiegħu għall-poplu kollu.
Fil-Katidral ta’ San Pawl issir ukoll l-ewwel ċelebrazzjoni li fiha titfakkar ir-Reġina Eliżabetta II. Għal din iċ-ċelebrazzjoni, tattendi l-Prim Ministru u l-għola uffiċjali tal-pajjiż.
Malli lbieraħ inxterdet l-aħbar li mietet ir-Reġina, eluf marru quddiem il-Palazz Buckingham jsellmu l-memorja tagħha, permezz ta’ fjuri, xemgħat u messaġġi. L-istess ġara f’Windsor u hekk mistenni li jibqa’ jsir fil-jiem li ġejjin.
Il-proklamazzjoni uffiċjali tar-Re Karlu III
Ta’ min ifakkar li malli mietet ir-Reġina, binha Karlu mill-ewwel sar ir-Re, madanakollu xorta waħda jiġi pproklamat b’mod uffiċjali.
Din iċ-ċerimonja ssir fil-Palazz ta’ San Ġakbu f’Londra quddiem dak magħruf bħala Accession Council. Din hija biss ċelebrazzjoni ċerimonjali. Ir-Re ma jieħu l-ebda ġurament.
Dan ikun magħmul mill-aktar persuni viċin il-Familja Rjali, is-Sindku ta’ Londra, grupp ta’ Deputati kemm dawk li għadhom fis-servizz u dawk li le, Kummissarji għolja tal-Commonwealth u oħrajn. Preżenti wkoll l-Arċisqof ta’ Canterbury. Jistgħu jattendu sa 700 ruħ.
F’din il-laqgħa, il-President tal-Kunsill iħabbar il-mewt tar-Reġina u jaqra l-proklamazzjoni.
Għal din il-laqgħa, il-Re ma jkunx preżenti, imma jattendi għat-tieni laqgħa li ssir ftit tas-sigħat wara. F’din il-laqgħa, ir-Re jagħmel dikjarazzjoni.
Fil-preżenza tar-Re u anke d-daqq tal-fanfarra, minn fuq gallarija, tinqara l-proklamazzjoni uffiċjali.
Għall-ewwel darba mill-1952, jindaqq l-innu nazzjonali, iżda issa bil-kliem “God Save the King.”
Meta ssir l-Inkurunazzjoni?
L-aktar parti għolja ta’ din it-tranżizzjoni tkun l-Inkurunazzjoni. Madanakollu din ma jfissirx li ssir f’qasir żmien.
Eliżabetta II saret Reġina fi Frar 1952 iżda l-Inkurunazzjoni saret f’Ġunju tas-sena ta’ wara. Karlu III se jkun l-40 Re li se jkun inkurunat f’Westminister Abbey.
Din ma tkunx ċelebrazzjoni ċivili kif isir f’pajjiżi oħra fejn għad hemm il-Monarkija, bħal Spanja, iżda hija ċelebrazzjoni reliġjuża li titmexxa mill-Arċisqof ta’ Canterbury.
Il-qofol taċ-ċelebrazzjoni u l-aktar parti sagra tkun id-dilka biż-żejt ikkonsagrat u wara l-Inkurunazzjoni, bil-kuruna magħrufa bħala ta’ St Edward, liema kuruna tmur lura għall-1661 u tintuża biss dakinhar tal-Inkurunazzjoni.