Ambulanza tal-organizzazzjoni umanitarja Maltija MOAS intlaqtet minn drone Russu tat-tip FPV waqt li kienet qed tevakwa suldat Ukren f'kundizzjoni kritika minn żona qrib il-linja tal-front fl-Ukrajna.
Fl-ambulanza kien hemm tabib, paramediku u xufier, flimkien mal-pazjent. L-attakk kisser it-twieqi tal-vettura, iżda l-ekwipaġġ u s-suldat ħarġu mingħajr ġrieħi serji, u sofrew biss qtugħ ħafif minħabba l-ħġieġ imkisser.
Il-fundatur tal-MOAS, Christopher Catrambone, qal li minkejja l-attakk, il-ħidma tal-organizzazzjoni se tkompli.
"Il-persunal mediku tagħna qed ikompli jirriskja ħajtu biex jagħti ċans ieħor lil persuni feruti serjament. L-attakk tal-lum heżżeżna, iżda ma naqqasx id-determinazzjoni tagħna. Il-MOAS se tkompli tappoġġja lill-Ukrajna u ttaffi t-tbatija fejn tista'," qal Catrambone.
L-attakk seħħ fi żmien meta r-Russja intensifikat l-attakki tagħha fuq l-Ukrajna, b'mod partikolari wara li Kyiv żiedet l-użu ta' drones fuq territorju Russu. Fl-aħħar ġimgħa biss, il-kapitali Ukrena Kyiv ġarrbet żewġ attakki kbar bil-missili li ħallew għexieren ta' persuni mejta u kkawżaw ħsarat estensivi.
Il-President Ukren Volodymyr Zelensky sostna li dawn l-attakki huma sinjal ta' dgħufija aktar milli ta' saħħa, filwaqt li appella lill-pajjiżi tan-NATO biex iħaffu l-kunsinna ta' sistemi ta' difiża mill-ajru.
Il-MOAS ilha topera fl-Ukrajna mill-bidu tal-gwerra aktar minn erba' snin ilu, fejn tipprovdi assistenza medika u umanitarja f'żoni qrib il-front.
Sal-aħħar ta' Marzu, l-organizzazzjoni kienet assistiet fl-evakwazzjoni u t-trasport ta' madwar 84,700 suldat Ukren ferut lejn sptarijiet, permezz ta' ambulanzi mgħammra b'apparat mediku avvanzat, tant li ħafna drabi huma deskritti bħala "intensive care units fuq ir-roti."
Dan mhux l-ewwel darba li l-MOAS tintlaqat waqt il-ħidma tagħha fl-Ukrajna. F'Awwissu tal-2024, bażi tal-organizzazzjoni fir-reġjun ta' Donetsk ġarrbet attakk Russu li għamel ħsara lill-ambulanzi u qered tagħmir mediku u mediċini. Dak il-ħin, 19-il membru tal-persunal irnexxielhom jieħdu kenn f'xelter taħt l-art.
Imwaqqfa f'Malta fl-2014, il-MOAS kisbet fama internazzjonali permezz tal-operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ fil-Baħar Mediterran, qabel estendiet il-missjonijiet umanitarji tagħha għal uħud mill-aktar żoni ta' kunflitt fid-dinja.