Mewġiet ta' nirien estensivi qed ikomplu jaħkmu n-Nofsinhar tal-Ewropa wara ġimgħat ta' temperaturi rekord li ħolqu kundizzjonijiet ideali għat-tixrid tan-nar.
Eluf ta' residenti kellhom jitilqu minn djarhom hekk kif mijiet ta' pompieri qed jiġġieldu n-nirien fil-Portugall, Spanja, Franza u l-Greċja. L-awtoritajiet qed iwissu li rjieħ qawwija u temperaturi għoljin mistennija fil-jiem li ġejjin jistgħu jkomplu jxerrdu n-nirien.
S'issa, in-nirien ħarqu madwar 20,000 ettaru ta' art madwar dawn il-pajjiżi. Is-sitwazzjoni fi Franza wasslet biex l-awtoritajiet jipprojbixxu lill-pubbliku milli jattendi waħda mit-tappi tat-Tour de France minħabba r-riskju għas-sigurtà.
Il-Ministru Franċiż għall-Intern, Laurent Nuñez, qal li minn Jannar 'l hawn inħaraq kważi d-doppju tal-art meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet, filwaqt li wissa li l-kundizzjonijiet għadhom qed jiddeterjoraw.
Fi Spanja, in-nirien qerdu madwar 2,200 ettaru, il-parti l-kbira tagħhom fiż-żona naturali protetta ta' Les Gavarres. Minkejja dan, il-pumpieri qalu li s-sitwazzjoni qed tiġi kkontrollata u hemm tama li n-nirien ikunu mitfija kompletament fil-jiem li ġejjin.
Fil-Portugall, aktar minn 1,000 pompier, appoġġjati minn 15-il ajruplan u madwar 400 vettura, qed jiġġieldu nirien li sa tmiem il-ġimgħa kienu diġà ħakmu madwar 13,000 ettaru.
Fil-Greċja, l-awtoritajiet ordnaw evakwazzjonijiet f'partijiet ta' Thessaloniki wara nirien f'impjant tar-riċiklaġġ li ħolqu duħħan tossiku. Residenti f'żoni oħra ngħataw parir jagħlqu t-twieqi u jibqgħu ġewwa.
L-Ewropa ilha ġimgħat tesperjenza temperaturi eċċezzjonalment għoljin, b'Franza, il-Ġermanja, il-Polonja u ċ-Ċekja kollha jirreġistraw temperaturi li qabżu l-40°C.
Fi Franza, il-mewġa ta' sħana kienet marbuta ma' madwar 1,000 mewt aktar milli kien mistenni matul l-aħħar ġimgħa ta' Ġunju, filwaqt li f'Berlin is-sħana intensa wasslet biex ġew irrappurtati binarji tal-ferrovija u traffic lights li ġarrbu ħsarat minħabba t-temperaturi estremi.
Barra mill-Ewropa, it-temperaturi għoljin komplew jinħassu wkoll fl-Amerika ta' Fuq, fejn Toronto kienet fost l-aktar bliet sħan fid-dinja wara li t-temperatura laħqet l-44°C.
Grupp ta' xjentisti mill-World Weather Attribution sostna li s-sħana estrema rreġistrata matul Ġunju kienet prattikament impossibbli mingħajr l-effett tat-tibdil fil-klima.