Madwar 1,000 persuna aktar milli kien mistenni mietu fi Franza waqt il-mewġa rekord ta' sħana li laqtet lill-pajjiż u partijiet kbar tal-Ewropa tal-Punent matul l-aħħar jiem.
L-aġenzija tas-saħħa pubblika Franċiża qalet li bejn l-24 ta' Ġunju u llum ġew irreġistrati madwar 1,000 mewta żejda meta mqabbla man-numru ta' mwiet osservati fix-xhur preċedenti.
Skont l-awtoritajiet, 85% tal-imwiet seħħew fost persuni ta' 65 sena jew aktar, filwaqt li l-aktar reġjuni milquta kienu dawk li kienu taħt allert aħmar minħabba s-sħana estrema.
L-akbar żieda fil-każijiet ġiet irreġistrata fost persuni li mietu fid-djar tagħhom, b'mod partikolari fir-reġjun ta' Île-de-France, li jinkludi Pariġi u l-madwar.
L-awtoritajiet qalu li dawn iċ-ċifri juru kemm hu importanti li tingħata attenzjoni lil persuni vulnerabbli, speċjalment dawk li jgħixu waħedhom jew jinsabu iżolati, anke f'żoni urbani.
L-aġenzija wissiet ukoll li ċ-ċifri huma preliminari u x'aktarx se jiżdiedu hekk kif jitlestew il-verifiki.
Sadanittant, il-mewġa ta' sħana bdiet tonqos fi Franza nhar il-Ħadd wara diversi jiem ta' temperaturi li qabżu l-40°C f'ħafna reġjuni tal-pajjiż.