Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump hedded li jimponi tariffa ta' 100% fuq il-prodotti kollha importati minn pajjiżi Ewropej li jiddeċiedu li jintroduċu taxxa fuq is-servizzi diġitali offruti minn kumpaniji Amerikani.
F'messaġġ li ppubblika fuq il-pjattaforma Truth Social, Trump sostna li diversi pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea qed jikkunsidraw li jdaħħlu din it-taxxa.
Huwa qal li kull pajjiż li jimxi 'l quddiem b'din il-miżura se jkun suġġett immedjatament għal tariffa ta' 100% fuq il-prodotti kollha esportati lejn l-Istati Uniti. Żied li dawn it-tariffi japplikaw irrispettivament minn kwalunkwe ftehim kummerċjali eżistenti jew futur mal-Istati Uniti.
Din mhijiex l-ewwel darba li l-amministrazzjoni Trump tuża t-theddida ta' tariffi biex tipprova twaqqaf pajjiżi milli jintroduċu taxxi fuq kumpaniji teknoloġiċi Amerikani. Fl-2025, il-Kanada rtirat taxxa simili wara pressjoni minn Washington.
It-theddida ta' Trump waslet jum biss wara li l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea qablu li jimplimentaw ftehim kummerċjali mal-Istati Uniti li bih l-UE se tnaqqas it-tariffi fuq prodotti industrijali u ċerti prodotti agrikoli Amerikani, filwaqt li l-Istati Uniti se tillimita għal 15% il-biċċa l-kbira tat-tariffi fuq prodotti Ewropej.
B'reazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea ddefendiet id-dritt sovran tal-Unjoni Ewropea li tirregola l-attività ekonomika fit-territorju tagħha.
Il-Kummissjoni sostniet li t-taxxi diġitali proposti huma mhux diskriminatorji u li kwalunkwe miżura unilaterali mmirata kontra politiki leġittimi tal-UE mhijiex ġustifikata.
Hija wissiet ukoll li jekk dawn it-theddid jitwettqu, l-Unjoni Ewropea se tirreaġixxi "malajr u b'mod deċiż" biex tiddefendi d-drittijiet u l-awtonomija regolatorja tagħha.
It-taxxi fuq is-servizzi diġitali huma maħsuba biex jiżguraw li kumpaniji teknoloġiċi multinazzjonali, fosthom Apple, Amazon u Meta, iħallsu aktar taxxa fil-pajjiżi fejn jiġġeneraw id-dħul tagħhom.