Il-Prim Ministru ta' New Zealand, Jacinda Ardern, ikkonfermat li t-tliet każi ġodda ta' Covid-19 li nstabu f'Auckland fl-aħħar jiem kienu kollha każi tal-varjant il-ġdid tal-Covid-19 li feġġ fir-Renju Unit.
Malli nstabu dawn it-tliet każi ġodda, il-belt daħlet f'lockdown strett għal tlett ijiem biex tkun ikkontrollata l-imxija.
Dawn il-każi fi New Zealand kienu l-ewwel trasmissjoni fil-komunità tal-Covid-19 mill-24 ta' Jannar.
Skont ir-restrizzjonijiet ġodda li daħlu fis-seħħ, ir-residenti f'Auckland ma jistgħux joħorġu mid-dar ħlief biex jagħmlu xi xiri jew qadi li huwa essenzjali jew inkella biex imorru x-xogħol.
Fil-bqija tal-pajjiż daħlu wkoll restrizzjonijiet oħra li jimponu d-distanza soċjali u jillimitaw il-ġemgħat soċjali għal 100 persuna.
Il-każi l-ġodda li feġġew huma kollha kemm huma membri tal-istess familja, bl-awtoritajiet għadhom qed jinvestigaw is-sors tal-virus.
Il-Gvern fi New Zealand kien imfaħħar ħafna għal mod kif ikkontrolla l-imxija tal-Covid-19, anke jekk għal ġimgħat sħaħ, il-pajjiż kollu kien taħt restrizzjonijiet stretti mmens.
Il-pajjiż għandu popolazzjoni ta' ħames miljun persuna. B'kollox, fi New Zealand kien hemm 2,330 każ ta' Covid-19 u tilfu ħajjithom 25 persuna.