Aktar minn 500 persuna mejta wara attakk fuq sptar f’Gaża

Aktar minn 500 persuna inqatlu t-Tlieta filgħaxija wara bumbardamenti fl-isptar ġo Gaża. Dan sar lejliet iż-żjara tal-President tal-Istati Uniti Joe Biden

Aktar minn 500 persuna nqatlu t-Tlieta filgħaxija wara li sptar f’Gaża ġie bbumbarjat, skont il-Ministru tas-Saħħa Palestinjan.

Il-Forzi tad-Difiża Iżraeljani ħabbru li qed jinvestigaw il-bumbardamenti li seħħu fl-isptar Baptist ġewwa Gaża.

Kelliem mill-Militari Iżraeljan Daniel Hagari, qal li ma kienx responsabbli għall-attakk u qal li ma hemm l-ebda dettalji fuq il-persuni li mietu kawża tal-attakk.

“se niġbru l-informazzjoni u nkellmu l-pubbliku. Ma nafx ngħid jekk kienx attakk mill-ajru Iżraeljan,” qal Hagari.

Intant, il-midja tal-Istat qalet li l-President Palestinjan Mahmoud Abbas iddikjara tlett ijiem ta’ luttu wara l-bumbardament.

It-territorju Palestinjan immexxi mill-Ħamas kien ibbumbardjat lejlet iż-żjara tal-President Amerikan Joe Biden fil-Lvant Nofsani. Iż-żjara tal-President tal-Istati Uniti Joe Biden għandha l-għan li tara lil Biden jafferma mill-ġdid l-appoġġ tal-Istati Uniti għal Iżrael.

L-Iżrael qered il-maġġoranza tal-infrastruttura pubblika kif ukoll eluf ta’ djar għal dawn l-aħħar ġranet  u qed jippjanaw offensiva fuq l-art. Barra minn hekk, l-Iżrael imblokka wkoll it-territorju, u żamm l-ikel, l-ilma, l-elettriku u l-fjuwil milli jidħlu fl-enklavi Palestinjani.

L-azzjonijiet tal-Iżrael huma ritaljazzjoni għal attakk mill-militanti tal-Ħamas li seħħ ġewwa l-Iżrael fis-7 ta’ Ottubru. Dan l-attakk qatel aktar minn 1,400 Iżraeljan u l-militanti tal-Ħamas ħatfu kważi 200 persuna u ħaduhom Gaża.

L-imblokk Iżraeljan u bumbardament kontinwi ħolqu sitwazzjoni prekarja fit-territorju hekk kif  għexirien ta’ eluf ta’ familji ma jistgħux jaħarbu peress li l-fruntieri kollha lejn l-Iżrael u l-Eġittu jinsabu magħluqa.

 

More in Barranin