Filmat | Sptar tat-tfal milqut minn missili Russi; Tfal maqbuda taħt it-tifrik

Il-President Zelensky staqsa kemm id-dinja se tibqa' silenzjuża u 'tkun kompliċi' f'din l-atroċità 

Forzi Russi komplew jattakkaw il-Belt ta' Mariupol fl-Ukrajna u bil-missili ġie milqut sptar tat-tfal u tal-maternità.

Il-President Zelensky u Deputati tiegħu tefgħu filmat ta' dan l-istar. Il-President Ukren saħaq li dan kien "attakk dirett" fuq l-isptar. 

Huwa qal li hemm tfal maqbuda taħt it-tifrik.

"Id-dinja kemm se ddum kompliċi ta' dan it-terrur," insista Zelensky waqt li tenna l-appell tiegħu biex ikun magħluq totalment l-ispazju tal-ajru Ukren.

Diveri mexxejja, inkluż il-Prim Ministru Ingliż, diġà kkundannaw dan l-attakk.

Aktar qabel

22 persuna, fosthom tlett itfal inqatlu matul il-lejl li għadda waqt attakk mill-ajru minn Forzi Russi fuq il-Belt ta’ Suny, fl-Ukrajna.

Il-Gvernatur Reġjonali, Dmytro Zhyvytskyi qal li r-Russja wettqet attakk fuq żona residenzjali u ddeskriva dan bħala “qtil tal-massa.”

Fuq Telegram huwa kiteb li b’kollox kien hemm tliet splużjonijiet kbar u li l-lejl kien wieħed terribbli.

Sitt idjar iġġarrfu kompletament u madwar 20 oħra ġew milquta u għandhom ħsarat kbar.

Minn din il-Belt ġew evakwati 5,000 persuna wara li r-Russja fetħet kuritur umanitarju u anke qabblet għall-waqfien mill-ġlied temporanju.

Apparti minn hekk, skont il-midja tal-istat Russa, se jinfetħu kurituri umanitarji oħra fi Kjiv, Chernihiv, Kharkiv u Mariupol. 

Madanakollu, l-awtoritajiet Ukreni huma xettiċi dwar dan hekk kif kull meta nfetħu dawn il-kurituri, l-attakki u l-ġlied baqa’ għaddej, bir-Russja ma żżommx mal-wiegħda tagħha.

Skont il-Ġnus Magħquda, żewġ miljun persuna ħarbu mill-Ukrajna minn meta r-Russja bdiet l-invażjoni.

More in Barranin