Filmat | Paniku fl-ajruport ta' Kabul hekk kif eluf ta' Afgani jippruvaw jaħarbu mill-pajjiż

Dan wara li l-grupp militanti tat-Taliban ħataf il-poter fil-pajjiż u fl-aħħar jiem irnexxielu jieħu wkoll f'idejh il-Belt ta' Kabul

Eluf ta' Afgani ppakkjaw ir-runways tal-ajruport ta' Kabul f'attentat iddisprat biex jaħarbu mill-pajjiż wara li l-grupp militanti tat-Taliban ħatfu f'idhom il-poter.

Filmati juru eluf ta' nies ippanikjati jaraw kif se jirnexxilhom jitilgħu fuq ajruplan bil-għan li jaħarbu mill-pajjiż.

Il-forzi tal-Istati Uniti jkollhom jisparaw fl-ajru biex jikkalmaw is-sitwazzjoni.

Kollox seħħ l-għada li militanti tat-Taliban daħlu fil-kapitali, wara li ħadu f'idhom diversi bliet oħra, bil-għan li jaħtfu l-poter.

Kelliem għat-Taliban, qal mal-aġenzija tal-aħbarijiet Associated Press li l-grupp għaddej b'diskussjonijiet bil-għab li jifforma "Gvern Iżlamiku miftuħ u inklussiv."

Aktar kmieni, wieħed mill-uffiċjali tal-Grupp qal li se jkunu qed iħabbru Gvern ġdid mill-palazz presidenzjali. Fil-fatt il-Gvern Afgani waqa' u l-President Ashraf Ghani ħarab mill-pajjiż.

Il-fatt li l-militanti reġgħu lura fil-poter kien ifisser it-tmiem ta' kważi 20 sena ta' preżenza ta' koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti. 

Matul tmiem il-ġimgħa, il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, iddefenda l-irtirar tat-truppi Amerikani u saħaq li ma setax jiġġustifika l-fatt li l-Amerikani jibqgħu għal dejjem fin-nofs ta' kunflitt ċivili f'pajjiż ieħor. 

Aktar minn 70 pajjiż, inkluż ħafna pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropa, ir-Renju Unit u anke l-Istati Uniti, ħeġġew lill-grupp biex jirrispetta u jiffaċilita l-evakazzjoni ta' ċittadini barranin u anke Afgani li jixtiequ jitilqu mill-pajjiż.

Fil-fatt, l-Istati Uniti mistennija jkollha ajruplan iddedikat għal dan il-għan, biex madwar 5,000 persuna jkunu jistgħu jitilqu mill-pajjiż kuljum. 

Kemm l-Istati Uniti u anke pajjiżi oħra, fosthom Franza qed jaħdmu fuq titjiriet biex jevakwaw mill-pajjiż uffiċjali u ċittadini tagħhom.

More in Barranin