'Ninsab tajjeb - taħt dawn iċ-ċirkostanzi' - Eriksen b'ritratt u messaġġ lis-segwaċi u l-plejers sħabu
Eriksen, li għandu 29 sena, ikkollassa ħabta u sabta waqt il-logħba tal-Euro kontra l-Fillandja u saħansitra kellu jingħata l-ewwel għajnuna fil-grawnd stess

Christian Eriksen, il-futboler Daniż li kkrolla waqt il-logħba tas-Sibt li għadda, tella' ritratt tiegħu fuq il-midja soċjali u assigura lis-segwaċi tiegħu li fiċ-ċirkostanzi jinsab tajjeb u li se jkompli jagħti l-appoġġ tiegħu lit-tim nazzjonali ta' pajjiżu.
Eriksen, li għandu 29 sena, ikkollassa ħabta u sabta waqt il-logħba tal-Euro kontra l-Fillandja u saħansitra kellu jingħata l-ewwel għajnuna fil-grawnd stess wara li sofra minn attakk tal-qalb, waqaf jieħu nifs u anke waqfet qalbu.
Il-plejer irringrazzja lil dawk kollha li bagħtulu l-messaġġ ta' inkoraġġiment u saħaq li kull messaġġ kien ifisser ħafna għalih u għal familtu.
Qal li fadallu ftit żmien l-isptar hekk kif għadhom iridu jsirulu xi testijiet.
"Ninsab tajjeb - taħt dawn iċ-ċirkostanzi," kiteb il-plejer li issa jinsab f'kundizzjoni stabbli.
Temm jisħaq li se jkompli jagħti l-appoġġ kollu tiegħu lit-tim tad-Danimarka. "Ilagħbu għad-Danimarka," kitbilhom.
Id-Danimarka se tkun qed tilgħab kontra l-Belġju nhar il-Ħamis li ġej.