Alex Agius Saliba | Lejn soċjetà aktar inklussiva

Minkejja li huwa l-iżgħar Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, pajjiżna qiegħed ikun meqjus bħala mudell uniku fl-isfera internazzjonali fejn jidħlu testijiet ta’ smigħ mingħajr ħlas

Il-ġimgħa l-oħra fil-Parlament Ewropew kellna ġimgħa pożittiva ħafna li qed tkompli tressaqna lejn aktar apprezzament għall-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabilità li sfortunatament għadhom jesperjenzaw bosta diffikultajiet biex jgħixu ħajja normali fis-soċjetajiet tagħna. Nafu bħala fatt li fl-Unjoni Ewropea għandna ‘l fuq minn 100 miljun persuna b’diżabilità li s-sitwazzjoni tagħhom tvarja minn Stat Membru għal ieħor, iżda ġeneralment huma aktar probabbli li jkunu esposti għall-esklużjoni soċjali, il-faqar u l-qgħad. Dan m’għadux aċċettabbli f’Ewropa moderna u f’Unjoni Ewropea li tħaddan il-prinċipji tad-diversità, l-inklużjoni u l-ugwaljanza. 

Fl-ewwel istanza nagħmel referenza għar-rapport li kont qed naħdem fuqu matul dawn l-aħħar xhur li jittratta propju s-suġġett ta’ kif ser naslu biex nagħtu aktar drittijiet ugwali għal persuni b’diżabilità. Nemmen li x-xogħol huwa element kruċjali fil-ħajja tagħna, għaliex jagħtina identita’ u skop li jgħinna nħossuna parti integrali mis-soċjeta’. Fuq kollox meta wieħed ikollu impjieg jikseb għixien indipendenti u jkun parteċipi b’mod sħiħ u effettiv fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ pajjiżu. Bħala Unjoni Ewropea u anke bħala Stati Membri konna kkonfermajna l-prinċipji tagħna u ntrabatna b’obbligu permezz tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità li fost oħrajn titlob li jsir kull sforz possibbli biex il-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jsibu impjieg f’suq tax-xogħol miftuħ.  

Għaldaqstant f’dan ir-rapport li ħejjejt rajt li tkun inkluża sejħa fuq il-Kummissjoni Ewropea sabiex tassigura li jkun issorveljat l-iżvilupp fl-Unjoni Ewropea dwar it-twettiq ta’ dawn l-obbligi, biex twettaq riċerka dwar forom protetti ta’ xogħol u biex tikseb għarfien dwar kemm persuni b’diżabilità għandhom impjieg fis-suq tax-xogħol miftuħ. Dawn il-passi jridu jkunu l-bażi ta’ ħidma futura u kontinwa li rridu nwettqu sabiex fost affarijiet oħrajn nassiguraw li nnaqqsu l-faqar fost dawk li jaħdmu u biex aktar persuni b’diżabilita’ jkollhom aċċess aktar miftuħ għas-suq tax-xogħol.  

Sodisfatt li dan ir-rapport ġie approvat b’vot b’saħħtu ħafna fil-Kumitat tal-Petizzjonijiet u li ser ikun qed iservi ta’ boxxla għall-politika li rridu nwettqu f’dan ir-rigward fuq livell Ewropew. Huwa d-dmir tagħna li nippromwovu l-inklużjoni soċjali u ekonomika u l-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità fis-soċjetà, ħielsa mid-diskriminazzjoni u b’rispett sħiħ tad-drittijiet tagħhom fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.  

Dejjem nisħaq li l-ħidma li qed inwettqu hija waħda li trid tmexxi bl-eżempju u b’sodisfazzjoni matul din il-ġimgħa nnotajt ukoll, bi pjaċir, li għall-ewwel darba l-Parlament sar aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità hekk kif bdiet tingħata aċċessibilità għall-speech-to-text fil-Kumitati, biex b’ hekk issa persuni neqsin mis-smigħ u dawk fuq l-ispettru tal-awtiżmu fost oħrajn, se jkunu jistgħu jsegwu wkoll ix-xogħol li nkunu qed nagħmlu u b'mod dirett se jkunu jistgħu jaqraw dak kollu illi jkun qed jingħad fil-Parlament. Dan l-iżvilupp huwa ftit mill-frott ta’ sentejn xogħol li wettaqt bħala Viċi-President tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet u żewġ rapporti li mexxejt ‘il quddiem dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità. 

Però apparti minn hekk, din il-ġimgħa kellna wkoll aħbarijiet pożittivi fejn jidħol pajjiżna u dak li l-Gvern Malti qed jagħmel biex isaħħaħ l-inklużjoni soċjali ta’ persuni b’diżabilità. Matul din il-ġimgħa, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Kosumatur Julia Farrugia Portelli, ingħaqdet miegħi fil-Parlament Ewropew għal Konferenza li ospitajt dwar il-ħolqien ta’ Spazji Autism-friendly. Matul din il-konferenza li ġiet organizzata minn Autism Europe ġie diskuss kif nistgħu nadattaw servizzi u postijiet eżistenti sabiex jilqgħu persuni bl-awtiżmu, u hawnhekk il-Ministru fissret kif Malta qed tattwa l-Istrateġija Nazzjonali tal-Awtiżmu b’bosta inizzjattivi li jixhdu r-rieda politika tal-Gvern li joħloq soċjeta’ aktar inklussiva. Fissirt is-sodisfazzjon tiegħi għall-fatt li pajjiżi qiegħed ikun minn ta quddiem bi proġetti u skemi għall-ħolqien ta’ spazji li huma adattati biex jilqgħu nies bl-awtiżmu, inizzjattivi li fl-aħħar mill-aħħar qed jgħinu biex jeliminaw l-istigma negattiva li teżisti. Din l-inizzjattiva ġiet imfaħħra minn Aurélie Baranger, id-Direttur ta’ Autism Europe, li fissret kif pajjiżna qed jieħu approċċ proattiv u uniku li qed iwassal biex jagħmel id-differenza meħtieġa, u li l-proġett ta’ Malta għandu jiġi integrat f’pajjiżi Ewropej oħra. 

Din mhux l-unika aħbar pożittiva li deher fiha pajjiżna matul l-aħħar żmien fejn jidħol is-settur tad-diżabilità. Minkejja li huwa l-iżgħar Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, pajjiżna qiegħed ikun meqjus bħala mudell uniku fl-isfera internazzjonali fejn jidħlu testijiet ta’ smigħ mingħajr ħlas. F’konferenza tal-aħbarijiet Patrick D’Haese, il-Kordinatur Internazzjonali tal-Hearing Health Forum faħħar lil pajjiżna għall-ħidma pro-attiva tal-proġett pilota ta’ testijiet tas-smigħ bla ħlas li, mexxejna ‘l quddiem flimkien jiena u l-Ministru Julia Farrugia Portelli matul is-sena li għaddiet. Permezz ta’ dan il-proġett, għall-ewwel darba pajjiżna seta’ jifhem kif il-problema tan-nuqqas tas-smigħ qed taffettwa l-ħajja ta’ bosta Maltin.  

Bħala President tal-Forum tas-Smigħ tal-Unjoni Ewropea u r-Relatur tal-Parlament Ewropew għar-rapport dwar il-protezzjoni tal-persuni b’diżabilità ninsab ferm sodisfatt li Malta qed tkun proattiva u tieħu dawn it-tip ta’ inċentivi li permezz tagħhom qed inkomplu nippromwovu s-saħħa tas-smigħ bl-aqwa mod possibbli, billi nippromwovu prattika ta' kura professjonali, inżidu l-edukazzjoni u l-għarfien pubbliku, nappoġġjaw ir-riċerka u niffaċilitaw l-aċċess għal teknoloġiji innovattivi, filwaqt li naqsmu l-aħjar prattiċi bejn l-Istati Membri.  

Permezz ta’ din il-ħidma wiesgħa u l-bosta inizzjattivi oħra li qegħdin jittieħdu, pajjiżna qed ikompli jiżgura li bil-fatti jkun il-wiċċ tal-inklużjoni. 

More in Socjali