.png)
Il-kutrumbajsi!
Minkejja l-akkużi serji li qed jiffaċċja, Lilu King jerġa’ jinħeles mill-qorti – waqt li l-Gvern jagħti kuntratt lil Mark Camilleri, figura kontroversjali li spiss jattakka lill-istess amministrazzjoni
.png)
Din il-ġimgħa fil-Qorti, għal darb’oħra, ġie meħlus Lilu King, Tuneżin assoċjat ma’ reati serji, u bħala raġel li m’għandux problema jippoża b’arma tan-nar ħdejn karozza range rover sewda fuq il-midja soċjali. L-akkużi kontrih mhumiex frivoli.
Lilu King, li ismu propja huwa Mohamed Ali Ahmed Elmushraty, huwa persuna li f’Paceville, fejn għandu n-negozji, kulħadd jaf xi jsarraf. Isarraf f’sens mhux metaforiku? Il-Pulizija jafu xi jsarraf! Elmushraty kellu dritt għall-bail, imma l-Qorti għandha d-dritt issib metodi biex persuna li hija perikoluża ma tinħelisx bil-bail mill-ewwel. Bħalma kien ġara fil-każ ta’ Yorgen Fenech. Il-Qorti hawnhekk għamlet dak li l-pubbliku xtaq. Li Fenech jibqa’ inkarċerat.
Imma alla jbierek hawn il-Qorti qed tuża l-argumenti ġuridiċi u dawk tal-avukati difensuri. F’din il-kwistjoni żgur ma nistgħux inwaħħlu fil-pulizija. Huwa d-dover tal-ġudikant li jara x’inhuma l-interessi tal-komunità.
M’għandna xejn kontra l-barranin, imma Elmushraty mhuwiex negozjant eżemplari u ċertament mhux persuna li rriduh ma’ saqajna. Ħarsu biss lejn ir-rapporti dwaru fil-media fl-aħħar snin.
Mohamed Ali Ahmed Elmushraty vera huwa akkużat b’numru ta’ reati serjissimi. Li kien ħaddieħor li forsi m’għandux aċċess għal xi avukat mustaċċun, żgur u mhux forsi baqa’ f’Kordin.
Mela veru kif jgħidu li l-ħaqq huwa differenti għal kulħadd.
Il-ġudikant għandu japprezza r-realtajiet differenti u ma jkomplix jiżbalja.
Mark Camilleri jingħata kuntratt tal-Gvern
Mhux se neħlu ħafna kliem jew spazju fuq Mark Camilleri. Camilleri li sa ftit żmien ilu kien jivvomta fuq il-Labour (wara li ma baqax chairman tal-Kunsill tal-Ktieb), ingħata kuntratt ta’ 25K mill-Gvern Laburista biex jipprepara rapport kif il-kultura tista’ tiġi kkummerċjalizzata.
Apparti li Camilleri huwa persuna medjokri u huwa domiċiljat barra minn Malta; Apparti li kien hemm żmien meta kien jiftaħar bil-Labour; Apparti li għandu limitazzjonijiet kbar kif iżomm negozji jew jagħmel il-flus; Apparti li l-kitbiet tiegħu huma kattivi, ibbażati fuq fatti mhux ippruvati; U apparti li hemm provi li staqsa għal flus forma ta’ soft loan mingħand nies u mbagħad meta ġie rrifjutat infexx jattakkahom; Apparti kollox! Ma nemmnux li Camilleri għandu l-kwalifiċi jew kompetenza meħtieġa biex jagħti parir lill-Gvern dwar kif il-kultura tista’ tiġi mmonetizzata. Nemmnu li l-vokazzjoni u l-kompetenza tiegħu huma fil-kattiverja, fil-ħdura u fl-ipokrezija. Eżatt bħall-ikbar kollega tiegħu Jason Azzopardi, u biex iweġġa’ n-nies għaddielu balla messaġġi privileġġjati ta’ Yorgen Fenech ma’ tielet persuni mhux marbutin mal-każ kriminali.
Nemmnu fuq li nemmnu li l-uniku motivazzjoni għal dan il-kuntratt huwa biex forsi Camilleri ma jaqbadx ma’ xi politiku jew ieħor.
Li nafu biss, li meta Camilleri jerfa’ subgħajh u jikteb mid-dar tiegħu – dar li qed taqa’ biċċiet fi Spanja dwar kif ħaddieħor qed jieħu l-flus tal-Gvern – tajjeb infakkruh kemm hu ġeneruż u baħnan il-Gvern ta’ Malta li qed isostni persuna li, mhux biss jattakka l-Gvern li mhu qed jieħu xejn mingħandu, imma li għażel ukoll jitlaq minn pajjiżu u jmur jgħix fil-penisula Iberika.