It-tieni ċans ma jistax jieqaf mal-bieb tal-ħabs

Għaliex il-ħajja privata mhijiex biss dak li jiġri wara l-bieb tad-dar. Tinkludi wkoll l-identità tagħna, id-dinjità tagħna u, anke l-ħajja fuq il-post tax-xogħol tagħna. 

X’jiswa li ngħallmu priġunier sena fil-ħabs, jekk meta toħroġ nagħlqulu l-bieb tax-xogħol? X’jiswa li nitkellmu dwar ir-riabilitazzjoni, jekk il-kundanna tibqa’ ssegwi għall-ħajja kollha? 

U x’qegħdin niggwadanjaw bħala soċjetà meta lil min irid jibda mill-ġdid inħalluh mingħajr opportunità? 

Sentenza mogħtija mill-Imħallef Rachel Montebello fil-5 ta’ Ottubru tqajjem proprju dawn il-mistoqsijiet. 

Il-każ kien jirrigwarda persuna li kienet taħdem bħala xufier, iżda Transport Malta rrifjutat li ġġeddidilha l-permess, magħruf bħala driver’s tag, minħabba kundanna għal reati relatati mal-prostituzzjoni. 

Il-qafas legali jinsab fil-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 499.68. Ir-regolament 39(1)(d) jesiġi li xufier ikun ta’ kondotta u reputazzjoni tajba. 

Huwa proprju r-regolament 9(1)(a)(ii) li jeskludi persuni misjuba ħatja ta’ certi  reati milli jistgħu qatt jiksbu tag biex jaħdmu ta’ xufiera. 

Il-konsegwenza hija esklużjoni permanenti, mingħajr ma Transport Malta setgħet tikkunsidra ż-żmien li għadda minn meta persuna kkomettiet reat, l-imġiba tagħha kemm fil-ħabs kif ukoll wara u r-riabilitazzjoni tal-persuna. 

Il-Qorti, f’dan il-każ, sabet ksur tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li jipproteġi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata. 

Għaliex il-ħajja privata mhijiex biss dak li jiġri wara l-bieb tad-dar. Tinkludi wkoll l-identità tagħna, id-dinjità tagħna u, anke l-ħajja fuq il-post tax-xogħol tagħna. 

Interessanti li l-Qorti osservat kif ċerti kundanni għal reati vjolenti jwasslu għal esklużjoni limitata fiż-żmien, filwaqt li dawk imsemmija fil-Kapitolu 63 tal-Liġijiet ta’ Malta jistgħu jwasslu għal esklużjoni għal dejjem. 

Din id-distinzjoni ma nstabitx oġġettivament ġustifikata. 

Il-Qorti ma qalitx li kull persuna b’kundanna għandha tingħata tag ta’ xufier. Iżda sostniet il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni individwali, ibbażata fuq kriterji stabbiliti, b’possibbiltà ta’ reviżjoni quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva. 

Ma nistgħux nippretendu li persuna tirriforma ruħha, filwaqt li nibqgħu nittrattawha daqslikieku qatt ma tista’ tinbidel. 

Aħsbu ftit fl-investiment li jsir fit-taħriġ fil-ħabs. Persuni jingħataw opportunità jitgħallmu, jiksbu ħiliet u jħejju ruħhom għal ħajja differenti. 

Pereżempju priġunieri mħarrġin fis-sengħa tal-elettriku biex ġaladarba joħorġu mir-REWS jintalab ukoll ċertifikat tal-kondotta.  

Dan ma jfissirx li kull kundanna twassal awtomatikament għal rifjut. Iżda jqajjem mistoqsija importanti: kif qed tiġi evalwata l-kondotta, u kemm qed jingħata piż lir-riabilitazzjoni? 

Huwa importanti li electrician jagħmel xogħlu sew. Iżda kundanna li m’għandha x’taqsam xejn mal-kompetenza jew mal-integrità professjonali għandha, waħedha, tipprekludi opportunità ta’ xogħol? 

Ma jagħmilx sens li ninvestu fit-tagħlim ta’ sengħa, imbagħad noħolqu ostakli mhux ġustifikati għall-eżerċizzju tagħha. 

U hemm dimensjoni oħra li ħafna drabi ninsewha: il-familja. 

Min joħroġ mill-ħabs, mhux dejjem jirritorna għal ħajja mingħajr responsabbiltajiet. Hemm min għandu tfal x’jgħajjex, manteniment xi jħallas, ġenituri dipendenti fuqu, kera u djun. 

Kif nistennew li missier iħallas il-manteniment lil uliedu jekk nagħmluhielu impossibbli li jsib xogħol? 

It-tfal m’għandhomx jispiċċaw iħallsu prezz ieħor għall-iżbalji tal-ġenituri tagħhom. 

U dan mhuwiex biss argument soċjali. Huwa wkoll argument dwar is-sigurtà tagħna lkoll. 

L-impjieg stabbli jista’ jgħin biex jitnaqqas ir-riskju tar-reċidiviżmu. Meta persuna ssib ruħha eskluża ekonomikament u soċjalment, it-triq lejn ir-rintegrazzjoni ssir aktar diffiċli. 

It-tieni opportunità mhijiex premju għall-kriminalità. Hija investiment biex il-kriminalità ma terġax isseħħ. 

Dan il-liġi kienet diġà rrikonoxxietu, qabel is-sentenza li semmejt aktar ’il fuq.  

L-artikolu 43A tal-Kapitolu 516, introdott bl-Att XXV tal-2025, jimponi fuq l-awtoritajiet pubbliċi d-dmir li jagħmlu ħilithom biex jiffaċilitaw ir-riabilitazzjoni ta’ persuni b’kundanni kriminali. Fejn il-liġi tagħtihom diskrezzjoni, għandhom jikkunsidraw jekk awtorizzazzjoni tistax tingħata taħt kundizzjonijiet minflok tiġi rrifjutata. 

Barra minn hekk, l-Artikolu 43B jipprevedi Bord li jista’ jeżamina lmenti dwar restrizzjonijiet fuq il-liċenzjar. Għalhekk, il-mistoqsija llum mhijiex biss jekk il-liġi tagħrafx il-prinċipju tat-tieni opportunità, iżda jekk dan il-prinċipju hux qiegħed jitħaddem b’mod effettiv fil-prattika. 

Fl-2022, Il-Prim Ministru Robert Abela kien tkellem dwar l-importanza tat-tieni opportunità waqt żjara fil-Caritas u tkellem speċifikament fuq il-problemi fil-liċenzji li għandhom jiġu solvuti.  

Għalhekk l-awtoritajiet issa jridu jsegwu d-direzzjoni li ngħataw, kemm politika kif ukoll ġuridika.  

Nemmen li għandna nirrevedu l-esklużjonijiet awtomatiċi, nintroduċu evalwazzjonijiet individwali u nassiguraw deċiżjonijiet motivati u suġġetti għal reviżjoni. 

Mhux kull riskju jista’ jiġi aċċettat. Id-drittijiet tal-vittmi u s-sigurtà pubblika jibqgħu fundamentali. 

Imma lanqas ma nistgħu nkomplu nagħlqu kull bieb lil min ikun ġenwinament irid jibni ħajja ġdida. 

Għax jekk il-piena tkun intemmet, iżda l-opportunità li tgħix b’dinjità tibqa’ miċħuda, irridu nistaqsu: il-kastig verament spiċċa? 

It-tieni ċans ma jistax jibqa’ kliem sabiħ. 

Irid ikun bieb li verament jinfetaħ. 

More in Socjali