Aktar trasparenza u ċarezza għax-xerrejja tal-proprjetà permezz tal-Buyers Charter
Matthew Zerafa, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, jispjega kif il-Buyers Charter jista’ joffri aktar trasparenza u ċarezza lix-xerrejja tal-proprjetà, filwaqt li jgħinhom jifhmu aħjar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom
Ix-xiri ta’ proprjetà huwa fost l-aktar deċiżjonijiet importanti li ħafna minna nieħdu tul ħajjitna. Dan mhux biss impenn finanzjarju kbir. Id-dar hija l-post fejn nagħmlu l-ewwel pass lejn ħajja indipendenti, inrabbu l-familji tagħna u nippjanaw għall-futur.
Iżda kull meta nitkellmu maż-żgħażagħ waqt l-attivitajiet regolari tagħna, hemm tweġiba waħda li nisimgħu ta’ spiss meta nistaqsuhom dwar ix-xiri tal-ewwel proprjetà: “Ma nafx minn fejn se nibda.”
U mhux diffiċli nifhmu għaliex. Ix-xiri ta’ proprjetà hu proċess kumpless. Hemm diversi professjonisti involuti, kunsiderazzjonijiet legali u finanzjarji, taxxi u firxa wiegħsa ta’ skemi u inċentivi tal-Gvern. Għal min ikun se jixtri għall-ewwel darba, dan il-proċess hu partikolarment diffiċli. Iżda anke min ikun diġà xtara proprjetà jista’ jiltaqa’ ma’ inċertezzi meta jkun qed jaffaċċja ċirkostanzi ġodda.
Hawnhekk għandha rwol importanti l-Awtorità tad-Djar. Is-sena l-oħra, l-Awtorità tad-Djar ħadet pass importanti biex tipprovdi aktar għarfien u informazzjoni għal dawk li jkunu qed jikkunsidraw jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, bis-saħħa tal-pubblikazzjoni tal-First-Time Buyers Guide. Din il-gwida ġiet imfassla biex tipprovdi informazzjoni prattika dwar ix-xiri ta’ proprjetà, mill-ippjanar finanzjarju u l-iskemi tal-Gvern, sal-iffirmar tal-kuntratt finali. Nedejna wkoll online portal li jiġi aġġornat regolarment biex jirrifletti skemi, inizjattivi u bidliet regolatorji ġodda.
Din il-gwida twieġeb mistoqsija importanti: Kif nixtri proprjetà?
Iżda nemmnu li rridu mmorru pass oltre u nistaqsu wkoll: X’għandi nistenna meta nixtri proprjetà?
Hawnhekk jidħol il-Buyers Charter. Nedejna konsultazzjoni pubblika biex niżviluppaw Charter li jkollu applikazzjoni aktar wiegħsa. Filfatt, qed nipproponu li dan ma jkunx indirizzat biss lejn min ikun qed jixtri l-ewwel proprjetà tiegħu, iżda lejn ix-xerrejja kollha ta’ proprjetà residenzjali.
Dan jirrifletti r-realtà li l-ħtiġijiet tagħna relatati mal-akkomodazzjoni jinbidlu tul ħajjitna. Persuna żagħżugħa tista’ tkun qed tixtri l-ewwel proprjetà tagħha. Familja li qed tikber taf tkun teħtieġ proprjetà akbar. Persuni anzjani jafu jridu jċekknu l-proprjetà tagħhom. Persuna separata teħtieġ tistabbilixxi akkomodazzjoni ġdida.
Il-programm tal-Gvern fil-qasam tal-akkomodazzjoni qiegħed dejjem aktar jirrikonoxxi dawn l-istadji differenti fil-ħajja. Dan qed isir permezz ta’ miżuri u diversi forom ta’ għajnuniet u tnaqqis fit-taxxa tal-boll li jappoġġjaw mhux biss lill-first-time buyers,
imma anki lil dawk li jixtiequ jkabbru jew icekknu l-proprjetà tagħhom, u lill-persuni separati.
Il-Buyers Charter għalhekk se joffri l-opportunità li flimkien nistabbilixxu sett komuni ta’ prinċipji u aspettattivi li japplikaw għax-xerrejja kollha ta’ proprjetà residenzjali.
Fil-qalba taċ-Charter hemm sfida li ħafna xerrejja jħabbtu wiċċhom magħha: id-differenza fl-informazzjoni u fl-għarfien bejn ix-xerrej u l-persuni l-oħra involuti fix-xiri tal-proprjetà. Meta persuna tkun qed tixtri proprjetà, ħafna drabi tkun qed tagħmel dan darba jew ftit drabi f’ħajjitha. Min-naħa l-oħra, il-professjonisti involuti jittrattaw dawn it-tip ta’ tranżazzjonijiet b’mod regolari u għandhom għarfien speċjalizzat li x-xerrej mhux neċessarjament ikollu. Dan jista’ jwassal biex ix-xerrej ma jkunx jaf x’mistoqsijiet għandu jagħmel, għal xiex għandu joqgħod attent jew x’għandu jistenna mill-persuni differenti involuti fil-proċess.
Iċ-Charter ma jistax jelimina din il-kumplessità iżda jista’ jgħin biex inaqqasha. L-għan huwa li x-xerrej ikollu aċċess għal informazzjoni ċara u faċli biex jifhimha, ikun jaf x’inhuma d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tiegħu, u jkun jaf x’għandu jistenna mill-partijiet interessati involuti fix-xiri ta’ proprjetà.
Irridu nenfasizzaw li ċ-Charter mhux se jissostitwixxi l-liġijiet eżistenti, il-qafas regolatorju jew il-mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim. Ir-rwol tiegħu hu li jagħmilhom aktar faċli biex jinftiehmu u jiġu segwiti. Iċ-Charter għalhekk se jkun intiż li jipprovdi direzzjoni aktar ċara dwar il-mekkaniżmi disponibbli diġà eżistenti għal meta jintalab rimedju, ovvjament skont in-natura tal-każ.
Irridu wkoll li ċ-Charter ikun prattiku. Għalhekk bi ħsiebna ninkludu eżempji ta’ sitwazzjonijiet li x-xerrejja jistgħu jiltaqgħu magħhom matul il-proċess tax-xiri. Se nenfasizzaw ukoll żbalji komuni li x-xerrejja għandhom ikunu konxji tagħhom.
Fl-aħħar mill-aħħar, l-ambizzjoni tagħna hija li l-Buyers Charter iservi ta’ dikjarazzjoni nazzjonali ta’ x’jinvolvu prattiċi tajbin fis-suq tal-proprjetà residenzjali f’pajjiżna.
Iżda dokument bħal dan ma jistax jiġi żviluppat mill-Awtorità tad-Djar waħedha. Huwa għalhekk li nedejna din il-konsultazzjoni pubblika.
Irridu nisimgħu lil dawk kollha involuti f’dan is-settur, mix-xerrejja sal-iżviluppaturi, l-aġenti tal-proprjetà, il-periti, in-nutara, l-istituzzjonijiet finanzjarji, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-partijiet interessati kollha fis-settur.
Irridu nkunu nafu fejn il-proċess attwali qed jaħdem tajjeb, fejn hemm nuqqasijiet, liema problemi jiltaqgħu magħhom ix-xerrejja u, fuq kollox, liema miżuri u prattiċi jistgħu jagħmlu l-proċess tax-xiri ta’ proprjetà aktar trasparenti u affidabbli.
Ir-rwol tal-Awtorità tad-Djar mhux biss li tipprovdi għajnuna fil-qasam tal-akkomodazzjoni. Huwa wkoll li tikkontribwixxi biex ikollna suq tad-proprjetà li jaħdem aħjar għan-nies.
Għalhekk, inħeġġu lil kull min għandu interess fis-suq tal-proprjetà residenzjali f’Malta jieħu sehem f’din il-konsultazzjoni. L-esperjenzi, l-għarfien u s-suġġerimenti tagħkom se jgħinuna nfasslu Charter li jkun prattiku, relevanti u li jkun jista’ jagħmel differenza reali għal dawk li jkunu qed jagħmlu wieħed mill-akbar investimenti f’ħajjithom.
Matthew Zerafa hu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar.
