.png)
Arnold Cassola | Malta: Approċċ pass pass għad-diskussjoni dwar il-mewt assistit
Arnold Cassola huwa ċ-Chairperson tal-Partit Momentum

Il-Partit Momentum jaqbel li wasal iż-żmien għal diskussjoni pubblika serja u bir-reqqa dwar il-kwistjoni kumplessa tal-mewt assistit f’Malta. Dan huwa suġġett sensittiv ħafna, li jolqot deċiżjonijiet dwar it-tmiem tal-ħajja, u Momentum jirrispetta l-opinjonijiet varji li jistgħu jinqalgħu f’dan id-dibattitu.
Filwaqt li l-membri ta’ Momentum se jkollhom libertà sħiħa ta’ espressjoni u vot ħieles dwar din il-materja ta’ kuxjenza personali, il-grupp jixtieq jaqsam il-ħsibijiet inizjali tiegħu dwar id-dokument tal-Gvern.
Momentum jinsisti fuq deliberazzjoni profonda u raġunata. Jinsab inkwetat li l-perjodu ta’ 60 jum propost mill-Gvern huwa qasir wisq għal suġġett ta’ din l-importanza, speċjalment meta jaħbat mal-perjodu tal-eżamijiet. Ma nafdawx fl-intenzjoni tal-Gvern, li jidher li qed jipprova jgħaġġel il-proċess biex jirbaħ punti politiċi aktar milli biex jagħti prijorità ‘l-ġid komuni.
Dan l-aġir iqajjem tħassib, simili għal kif ġiet immaniġġjata r-riforma tal-marijuana, fejn kwistjonijiet soċjali tant kumplessi ġew ittrattati b’għaġla, probabbilment biex jintlaħqu skopijiet politiċi. Progress fuq kwistjoni daqshekk sensittiva jeħtieġ aktar żmien u konsultazzjoni wiesgħa. Fil-fatt, minħabba n-nuqqas ta’ serjetà fil-liġi dwar il-marijuana, il-parlament kellu jemenda l-liġi biex jipprova jirranġa lakuni li ġew injorati.
Għalhekk, Momentum jitlob li d-dibattitu dwar il-mewt assistit jittawwal kemm hemm bżonn biex jiġu diskussi l-implikazzjonijiet kollha. Jekk pajjiżi oħra ħadu snin ta’ diskussjoni, żgur li 60 jum f’Malta mhux se jkunu biżżejjed. Barra minn hekk, għandna nifhmu bir-reqqa r-riskji ta’ abbuż u l-irriversibbiltà tad-deċiżjonijiet f’din il-leġiżlazzjoni.
Momentum jemmen li l-progress fuq din il-kwistjoni huwa meħtieġ, iżda b’approċċ pass pass. Minflok diskussjoni waħda u deċiżjoni finali, jissuġġerixxi li d-diskussjoni tiġi strutturata sekwenzjalment, billi jiġu indirizzati l-aspetti individwali wieħed wieħed. L-ewwel pass ikun eżami u titjib tas-servizzi tal-kura paljattiva, segwit minn suġġetti oħra bħat-testment bijoloġiku (living will).
Approċċ gradwali jiżgura li fuq quddiem jibqa’ l-benesseri tal-individwi. Momentum jipproponi li jiġi adottat il-mudell tal-parlament Skoċċiż, fejn m’hemmx liġi waħda komprensiva, iżda leġiżlazzjonijiet differenti għal sitwazzjonijiet speċifiċi.
Momentum jissuġġerixxi li d-dibattitu f’Malta jkun strutturat fi tliet fażijiet konsekuttivi:
- Liġi dwar id-dritt għall-kura paljattiva.
- Liġi dwar id-dritt għal testment bijoloġiku.
- Liġi dwar id-dritt għall-mewt assistit għall-adulti.
B’dan il-mod, dibattitu itwal u aktar dettaljat ikun l-aktar mod responsabbli u kostruttiv biex jinkiseb progress fuq din il-kwistjoni sensittiva tant importanti.