.png)
Raphael Borg | ‘Mhux responsabbiltà tiegħi — problema ta’ ħaddieħor’
'Il-punt hu li għal pajjiż li jqis ruħu progressiv kuntent wisq iħalli bosta nies fil-ġenb fejn nisimgħu l-vuċi tagħhom biss meta hi karta politika x’nużaw'
.png)
Fuq sit tal-aħbarijiet lokali deher artiklu miktub f’isem is-Soċjetà Nazzjonali tal-Ġenituri ta’ Persuni b’Diżabbiltà.
Bħala LSE, laqtitni fil-laħam il-ħaj. Speċjalment fid-dawl tar-retorika li mexjin biha fid-diskors dwar l-ewtanażja u l-abort; u jkolli ngħid li hemm traċċa ta’ ħsieb konsistenti, kemm hawn, kif ukoll kif niltaqgħu mal-barrani, mal-kriminal, u mal-imwarrrab. Saħansitra l-mod kif niltaqgħu mar-realtà ta’ proprjetà.
L-idea ta’ “mhux responsabbiltà tiegħi.”
Nispjega ruħi.
Kull oġġett magħmul mill-bniedem għandu fih innifsu sensiela ta’ valuri; huwa estensjoni tal-ħsieb ta’ min iddisinjah, anke jekk dan sar f’kuntest ta’ bord jew kumitat. Huwa ddisinjat biex jintuża minn xi ħadd, imma jeskludi l-użu ta’ dan għal xi ħaddieħor. Dan jibda minn oġġett banali bħal imqass jew nuċċali, u tispiċċa b’xi ħaġa bħal sistema.
Sistema ta’ governanza, kurrikulu, proprjetà; lil min taġevola din, u lil min teskludi?
Għaliex teskludih? Għaliex għandha teskludih? Għal min, allura qiegħda din is-sistema?
X’tagħmel bih dak li teskludih?
Ejja naqbdu oġġett oġġett.
L-Assessjar bħala għodda ta’ esklużjoni
Meta wieħed iħares lejn il-pjanijiet governattivi u s-sistema kurrenti edukattiva, l-ewwel ħaġa li wieħed jiltaqa’ magħha hija inevitabbli; sistema ta’ assessjar li ilha f’postha minn żminijiet kolonjali taħt ismijiet differenti. Sistema ta’ punti li fil-verità, fuq livell sostanzjali, ifisser biss numru fuq paġna bla fehma vera u proprja fiex int dgħajjef u m’intix.
Biex d-diskors ikun ċar; l-għalliema jagħmlu minn kollox biex din ma tkunx biss numru fuq paġna. Issib diversi mill-kollegi tiegħi li jħabirku biex l-istudenti tagħhom jkunu parti vitali mill-iskola. Imma fl-aħħar mill-aħħar meta wieħed japplika għal xogħol lejn il-grad se jħarsu, mhux fattwalment x’taf u x’ma tafx.
L-isforzi tagħna kollha f’sistema fejn l-ekonomija ssaltan fuq kollox jissarrfu f’duħħan li kieku ma jkunux inizjattivi ta’ għaqdiet mhux governattivi u volontarjat jew mekkaniżmi oħra li jraqqu l-pannu bil-qara’ ħamra. Hija shortcut arbitrali li fil-verità t-tifsira tagħha qatt ma kienet konsistenti għax l-averages jinbidlu minn sena għall-oħra biex jirriflettu l-esiġenzi tax-xogħol.
Min ma jikkonformax ma’ dawn il-gradi, min l-esiġenzi tagħhom imorru ’l hinn minn sistema stabbilita, dawn xi jsiru minnhom?
Għalkemm għamilna qabżiet kbar fi ħdan l-inklużjoni f’pajjiżna, xorta tibqa’ xibka ta’ ħsieb esklussiv sostnut minn din s-sistema ta’ gradi; min ma jikkonformax, postu mhux hawn. Huwa anke diversi drabi stmat ta’ xkiel sabiex naslu għall-O levels u l-A levels, għaliex biex nieqfu mal-bżonnijiet tagħhom huwa stmat bħala ostaklu għat-tagħlim tat-tfal l-oħra. Il-fatt li t-tfal jitgħallmu kif jgħixu ma’ tali bżonnijiet u viċeversa ma jgħoddx bħala tagħlim.
Allura ħloqna diversi modi fejn nitfgħu dawn in-nies fejn ma narawhomx u ninsewhom; resource centers, YPU, u ċentri oħra fejn, subkonxjament, ikolli ngħid, naċċettaw li ladarba qed narahom dawn it-tfal ikolli, b’xi mod, nitgħallem ngħix magħhom. Ladarba huma skomdi għalina, ikun aħjar li nitfgħuhom fejn ma narawhomx biex ma naħsbux fuqhom. Ma jkollniex nadattaw ruħna aħna għalihom.
Fid-dawl ta’ dan tajjeb li ngħidu: “Kull preżenza hija preżenza politika.” Ġaladarba qiegħed hawn, irridu nitgħallmu ngħixu flimkien fil-preżenza ta’ xulxin. Int awtomatikament “problema tiegħi” fis-sens l-aktar wiesa’ tal-kelma.
Id-dritt għall-għejxien kontra l-loġika tas-suq
Hija l-istess retorika meta qed nitkellmu dwar proprjetà; sabiex ikolli aktar qligħ jien, ma jinteressanix minn dawk li ma jaslux biex iħallsu prezzha skont is-suq. Lanqas ma jinteressani mill-mekkaniżmu li jwassal il-prezz fuq is-suq ma jirriflettix verament in-nefqa biex dan ġie fis-seħħ, aħseb u ara milli jista’ jinxtara minn min għandu dritt għal saqaf fuq rasu. Infatti, meta targumenta fuq il-fatt li saqaf huwa dritt bażiku tal-bniedem, issib min għadu irid jargumentalek li “hemm ir-residenzi pubbliċi.” Dan minkejja li l-artijiet għal dawn qegħdin jiskarsaw u jkollhom jirrikorru għall-ODZ sabiex jinbnew, u minkejja wkoll li mbagħad erħilna nitkellmu b’kull xorta ta’ diskors mill-aktar kattiv dwar dawn in-nies.
Dejjem jekk anke għandhom dritt għalihom, biex id-diskors ikun ċar.
Imbagħad erħilna ninkorlaw minħabba moħqrija tal-ambjent. Mhux għax il-Gvern qed iħabbel rasu, ifhimni ... ma tantx qed jagħmel wisq biex jiġġilidha lanqas.
Nistgħu nibqgħu sejrin bl-eżempji; saħħa, kwalità tal-ħajja, drittijiet tal-ħaddiem ... Il-punt hu li għal pajjiż li jqis ruħu progressiv kuntent wisq iħalli bosta nies fil-ġenb fejn nisimgħu l-vuċi tagħhom biss meta hi karta politika x’nużaw.
F’madwar għoxrin sena ħidma ta’ volontarjat u ħamsa u tletin sena minnhom ta’ ħajja, dejjem sibt li amministrazzjoni wara l-oħra tistrieħ fuq dawn jilagħbuha ta’ tapp tas-sufra għal sistema li tarmi n-nies. Sistema b’erba’ minn-nies jikkompetu għal fondi biex isalvaw dak li jintrema, grazzi għall-mekkaniżmu assurd tal-fondi għal Vos ... li wkoll fih x’tikkritika ... biex imbagħad tara l-kumpaniji u l-biljunarji jaħslu r-reputazzjoni tagħhom billi kultant iwaddbulhom donazzjoni taparsi jiftakru fihom. Basta ma jibdlux kif jaħdmu biex ma jiġux bżonn il-karità tagħhom, tarax.
Litteralment qisek f’fabbrika b’erba’ minn nies li jiddeċiedu jaqbdu dak li jintrema mid-dipartiment tal-kontroll ta’ kwalità u jraqqu xi ħaġa minnha. Fejn il-fabbrika kuntenta tinqeda b’dawn in-nies biex mal-pubbliku tidher li qed isir xi ħaġa sabiex ma jkunx hemm ħela. Minflok, tbiddel hi kif taħdem biex dan verament jonqos.
Anzi, iktar ma mmorru, aktar tiżdied din il-ħela.
Fejn huma dawn il-vuċijiet fil-parlament?
Għalkemm l-eżempji huma bla tarf, il-problema tibqa’ waħda — sistema li taħdem għal min diġà għandu l-poter, u li ma tagħrafx il-bżonnijiet ta’ min jinsab fil-ġenb.
In-nies bid-diżabbiltà, ħaddiema barranin u wliedhom, u fl-aħħar mill-aħħar, nies li twieldu f’familji fqar. Għajb għalik jekk int dawn kollha t’hawn fuq. Jekk int mara jew persuna LGBTIQ+, kapaċi ssibha, terġa’, aktar ikkumplikata jekk tħallatha ma’ din ir-riċetta.
Il-korla tiegħi hi li, f’pajjiż demokratiku, min iwassal il-vuċi ta’ dawn fuq il-mejda tad-deċiżjonijiet? Hawn uħud minn dawn fejn anke jekk biss tipproponi il-possibbiltà tagħha se ssib min jopponilek; aktar faċli ssib faxxist fil-parlament qabilhom.
Għodd biss kemm-il darba kien hemm persuna bid-diżabbiltà fil-parlament u x’sar minnhom. Għodd kemm-il darba kien hemm persuna ġej minn sfond ta’ faqar. Għodd kemm qatt ingħata ċans persuna ta’ mqar ġenitur wieħed minn l’hekk imsejħa “tielet dinja”.
Ejja nammettu kif inhi; kemm-il darba mqar wieħed minnhom għandu biżżejjed saħħa ta’ flus li jista’ jwettaq bidla jekk m’għandhomx vuċi? Kemm-il darba se nħallu li dan isir mingħajr ma noħolqu kjass għax “issa għandhom iżżejjed drittijiet” jew “ħadulna kulm’hemm” minkejja li lanqas nintebħu li storikament — anke reċenti — qas qed inħallulhom spazju?
Li kieku dawn huma wliedek, tridhom jitwarrbu u jingħataw il-ġenb? X’jgħid fuqek dan?
Allura spjegali ftit ... kif se jkollna kurrikulu, sistema ta’ proprjetà, governanza li jgħodd għalihom li ma jinvolvix turija tal-korla jew l-indifferenza assoluta tagħhom hekk kif darrejniehom ikunu bla saħħa?
Spjegali ftit, mela, min se jkun l-ewwel li jħossu żejjed u jkun lest li jiltaqa’ mal-ħajja ta’ dejjem?
Għid il-verità, wara kollox. Imma lil dawn, f’pajjiż demokratiku, irridu ntuhom vuċi?
Ħa nersqu lejn realtà ta’ “Xejn dwarna mingħajrna”?