Hadja Lahbib | Issa l-waqt

Hadja Lahbib hija l-Kummissarju Ewropew għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet

Jien għandi ħolma. Mhux ta’ Martin Luther King Jr. tiegħi. Ħolma fejn il-libertà ma toqgħodx tistenna biex tidħol f’ħajjet binti. Ħolma li ma tridx taqbeż ġenerazzjoni qabel ma tasal għand in-neputija tiegħi. Ħolma li fiha l-ġeneru jiddeskrivi, iżda ma jillimitax. Fejn li titwieled tifla ma jkunx fattur ta’ riskju. Din hija l-ħolma tiegħi u ma naċċettax li ngħidha minn taħt l-ilsien. Determinata li nwettaqha.  

Issa l-waqt it-tajjeb għaliex qed ngħixu fi żmien ta’ ritaljazzjoni kontra d-drittijiet tan-nisa. Qed jgħidulna li qed isir progress. Madankollu ta’ spiss dan il-progress jintuża bħala arma kontra n-nisa u l-bniet. It-teknoloġija li kellha tgħaqqadna issa qed tifridna. Il-bots online qed jamplifikaw il-mibegħda. Id-deepfakes qed jisirqu l-uċuħ u l-ilħna tan-nisa, ineżżgħuhom mid-dinjità u jbiddlu l-innovazzjoni f’intimidazzjoni.  

Dan għaliex fil-politika u fin-negozju, l-isterjotipi l-qodma qed jilbsu ġlekkijiet ġodda. Il-preġudizzju m’għadux isir bil-paroli; qed isir bil-kodifikazzjoni, bil-kalkulazzjoni, u bl-esklużjoni fis-skiet. U waqt li qed nargumentaw fil-kmamar tal-eku tagħna, il-firda qed tkompli tikber. Il-bniet u s-subien qed jitbiegħdu minn xulxin, in-nuqqas ta’ fiduċja qed jieħu post il-fehim, u l-polarizzazzjoni qed tieħu post is-sħubija.  

Dan mhuwiex il-ġejjieni li wegħduna. Mhuwiex il-ġejjieni li rrid għan-neputija tiegħi.  

Meta bdejt il-kariga tiegħi ftit aktar minn sena ilu, iddeċidejt li l-ħolm mhuwiex biżżejjed. Il-viżjoni trid issir liġi. It-tama trid tinbidel f’politika. Il-kliem irid isir protezzjoni. 

M’aħniex qed nibdew mix-xejn. Mill-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-2020, l-Ewropa mxiet mill-wegħdiet għall-progress. Għaddejna liġijiet storiċi biex intemmu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, biex niżguraw it-trasparenza fil-pagi, biex insaħħu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u biex inżidu l-għadd ta’ nisa fi rwoli ta’ tmexxija. Dan juri x’tista’ tikseb l-UE meta nkunu determinati.  

Fl-2023 għamilna pass storiku billi ngħaqadna mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, u għamilna ħaġa waħda ċara: li l-protezzjoni tan-nisa mhijiex biss responsabbiltà nazzjonali, iżda obbligu Ewropew. Is-sena l-oħra, kull Stat Membru u l-Parlament Ewropew approvaw it-tmien prinċipji fundamentali skont il-Pjan Direzzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa, impenn kondiviż biex nipproteġu, nagħtu s-setgħa, u naraw li n-nisa u l-bniet kollha jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.  

Ninsabu fit-triq it-tajba, iżda l-progress m’għandu qatt inissel kompjaċenza. Qatt m’għandu jintuża bħala skuża biex ma titteħidx azzjoni. Id-diskrepanzi li fadal jistgħu u għandhom jingħalqu. U jien impenjata li neliminahom.  

Il-ġimgħa li għaddiet stess ippreżentajna l-Istrateġija l-ġdida dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri. L-istrateġija hija ċara dwar l-isfidi li nħabbtu wiċċna magħhom. Tindirizza t-theddid dejjem akbar li qed jolqot b’mod sproporzjonat lin-nisa u lill-bniet, bħall-vjolenza ċibernetika jew id-deepfakes tal-IA. Tindirizza wkoll in-narrattivi online ta’ ħsara li joħolqu firda bejn is-subien u l-bniet, idgħajfu s-soċjetajiet tagħna u jnaqqru l-fiduċja fid-demokrazijitagħna.  

L-għan tagħna huwa sempliċi iżda ambizzjuż. Irridu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’kull sfera tal-ħajja: online u offline, fis-saħħa u fl-edukazzjoni, u billi nsaħħu l-pożizzjoni ekonomika tan-nisa u niżguraw li jinstema’ leħinhom waqt it-teħid tad-deċiżjonijiet. Kulħadd igawdi mill-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u rridu li kulħadd ikun involut biex niksbuha. Iridu jinvolvu ruħhom l-irġiel, in-nisa, is-subien, u l-bniet, ta’ kull età, minn kull sfond, minn kull kultura, u bi kwalunkwe twemmin.  

L-ugwaljanza hija premju komuni. Id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi waħedha hi stmata li tiswa lill-UE €390 biljun fis-sena. Dan ifisser talent li mhux qed jintuża u innovazzjoni li mhix tiġi sfruttata. L-Ewropa ma tistax taċċetta din l-ineffiċjenza. 

Illum nazzarda nittama għax qed naħdmu biex nibnu Unjoni kompetittiva fejn kulħadd jista’ jsir dak li jixtieq, irrispettivament mill-ġeneru: kemm jekk xjenzati jew infermiera, matematiċi jew piloti, imprendituri jew persuni li jindukraw, kif ukoll jekk CEOs jew politiċi. Unjoni tal-ugwaljanza vera. Bħala Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza se nżomm dan l-għan f’moħħi f’kull deċiżjoni li nieħu.  

Il-Jum Internazzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa hu mument ta’ ċelebrazzjoni. Iżda jfakkarna wkoll li d-drittijiet tan-nisa qatt ma ngħataw bħala rigal. Inkisbu permezz ta’ ħidma sfiqa, persistenza u solidarjetà, fl-Ewropa u lil hinn minnha. M’aħniex se nwarrbuh dak il-wirt. Se nipproteġu d-drittijiet li stinkajnagħalihom, nissoktaw il-progess li weħel, u nirreżistu t-tentattivi li nerġgħu lura fiż-żmien. 

Għaliex il-bniet tagħna jistħoqqilhom aktar minn ħolma. Jistħoqqilhom dinja soda li tkun hemm għalihom. 

Issa l-waqt. 

 

More in Socjali