Rafel Grima | Ninżlu taħt l-art

Kien bniedem ċert mill-kuxjenza spiritwali u soċjalistà tiegħu, persuna li niżlet taħt l-art, rat u semgħat it-tbatijiet ta’ ħafna nies

Lura f’Diċembru tal-2019, f’konverżazzjoni privata miegħi, Patri Ġwann Xerri stqarr li l-Partit Laburista għandu jagħmel eżerċizzju ta’ introspezzjoni u jirrifletti fuq l-għeruq politiċi u morali tiegħu. Sena wara li ħalliena nistgħu nikkonkludu li xewqat Patri Ġwann ma ntlaqgħux. 

F’dawn iż-żminijiet tant imqallba huwa jitlobna nisktu, nisimgħu u nippruvaw nifhmu dak li qiegħed jiġri madwarna. 

Patri Ġwann twieled il-Belt. Fis-sebgħinijiet, ftit żmien wara li daħal fl-ordni Dumnikana, emigra lejn il-Brażil bħala missjunarju. Huwa serva fid-djoċesi ta’ São Paolo u fi bliet oħra fil-Brażil, għex il-Vatikan fil-bidu ta’ dan is-seklu u sikwit kien jirritorna Malta. Fil-31 ta’ Mejju tas-sena l oħra Patri Ġwann miet fil-Brażil, fejn qatta’ ’l fuq minn erbgħin sena jgħixu  jaħdem. 

F’ħidmietu Patri Ġwann sema’ t-tiġrib u l-istejjer sbieħ u koroh ta’ ħafna nies. Kien jemmen li t-tessut soċjali huwa magħmul min-nies komuni li b’kuxjenza u dinjità jistgħu jimxu ’l quddiem f’komunità kemm materjalment imma anke spiritwalment. Fic-ċentru tad-diskors tiegħu dejjem kellu n-nies komuni fid-djoċesi tiegħu. Dawk li jqumu kmieni filgħodu, u jmorru għax-xogħol u jidħlu lura d-dar iffrustrati. Fihom kien jara sistema li ħalliethom lura ekonomikament u spiritwalment. Għalhekk kien u jibqa’ persuna importanti ħafna għall-ġustizzja soċjali f’Malta u fil-Knisja Kattolika. 

F’intervista ma’ Żminijietna - Voice of the Left (2014), Patri Ġwann spjega kif il-Knisja tal-Amerika Latina għarfet il-kapaċità emanċipatorja tal-ħaddiema u l-foqra. Ma kinitx tqishom biss sors ta’ ħniena imma sors ta’ ħelsien fl-organizzazzjoni ta' bejniethom. Li Patri Ġwann ma kienx qed jara din l-organizzazzjoni bejn il-ħaddiema sseħħ f’Malta tal-aħħar snin kien sors kbir ta’ frustrazzjoni għalih. Kienet turtah ukoll l-attitudni konsumerista li ħakmet lil Malta mad-dħul tagħha fl-Unjoni Ewropea. 

Din il-frustrazzjoni toħroġ ċara f’intervista twila mal-gazzetta ILLUM fl-2008 fejn jgħid li “aħna konsumaturi qabel m’aħna ċittadini jew saħansitra bnedmin”. Kien qed jara soċjetà Maltija tisfrutta lilha nnifisha billi tbiegħ ruħha lis-suq ħieles u tagħmel minn ħajjitha xogħol biss. 

L-istess osservazzjoni ħarġet f’intervista oħra ma’ Fr Joe Borg u Prof. Joe Pirotta fejn Patri Ġwann saħaq li s-sistema kapitalista moderna tant saret b’saħħitha li qerdet il-forom ta’ reżistenza li kien ra fl-Amerika Latina. 

Huwa osserva komunitajiet maqbud f'sistema fejn iridu jqumu għax xogħol filgħodu kmieni biex jaħdmu iktar minn erbgħin siegħa fil-ġimgħa għal paga li ma togħliex u li dwar dan iħossu li ma jistgħu jagħmlu xejn. 

Ħsiebna skont Patri Ġwann irid jinqaleb għal: “taħdem biex tgħix, mhux tgħix biex taħdem”. 

Patri Ġwann ħadem f’ħafna kommunitajiet fil-Brażil fosthom dawk tal-bdiewa u tal-ħaddiema u ra l-ġlieda tagħhom għall-emanċipazzjoni ekonomika. Jirrimarka li s-saħħa tagħhom kienet ġejja mill-għaqda, mis-sens komunitarju u mill-għarfien ċar tagħhom li huma l-klassi li qiegħda tisfida l-poter tas-sinjuri. Fehem ukoll li hija s-sistema kapitalista li ddgħajjef lill-klassi tal-ħaddiema milli torganizza ruħha mhux l-għażż jew in-nuqqas ta’ interess. Għalhekk kien jammira organizzazzjonijet bħall-Moviment Graffitti għaliex bħalma jgħid ukoll Sammy Meilaq, hija organizzazzjoni li tħarreġ il-massa u tħeġġeġ in-nies kollha jorganizzaw ruħhom u jieħdu azzjoni serja fuq il-futur tagħhom. 

Bħala membru tal-ordni Dumnikana fil-Brażil, Patri Ġwann minn dejjem kien jinkwetah in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ ċertu gruppi fi ħdan il-Knisja Kattolika, fosthom in-nisa, in-nies LGBTIQ+, l-immigranti u l-foqra. 

F’Malta kien jappoġġja l-ħidma ta’ Drachma, il-JRS u fi żmienhom lit Third World Group. Patri Ġwanni kien fuq quddiem nett ukoll fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni. 

Mal-ILLUM tkellem ukoll dwar il-bżonn li ngħarfu l-għeruq differenti bħala pajjiż u nagħrfu t-tbatija tan-nies li jidħlu f’pajjiżna bil-baħar. Semma’ wkoll il-kultura ta’ biża’ li ġieli jħaddnu l-Maltin u li seta’ jifhem minn fejn ġejja din ir-reżistenza. Iżda Patri Ġwanni xtaq jara poplu li lest jieħu ħsieb u jaħseb f’dawn in-nies li għaddejin minn ħafna tbatija u li bħalna qegħdin ifittxu ħajja aħjar. Issa li sirna pajjiż ‘sinjur’ għandna l-obbligu li bħalmanagħmlu karità barra minn xtutna, nospitaw u nittrattaw lill-immigranti b’dinjità. 

Matul is-sena li ilu nieqes Patri Ġwann, kelli ċ-ċans nisma’ u nirrifletti fuq dak li kien jitkellem dwaru. Kien persuna speċjali, b’vuċi sabiħa u lingwaġġ rik. Kien bniedem ċert mill-kuxjenza spiritwali u soċjalistà tiegħu, persuna li niżlet taħt l-art, rat u semgħat it-tbatijiet ta’ ħafna nies u għażlet li taġixxi fuq dawn il-pjagi. Patri Ġwann kien stqarr li l-Moviment Graffitti huwa grupp profetiku minħabba l-viżjoni u d dedikazzjoni għal ġid komuni tagħhom. Nittama li kliemu nkomplu nagħmlu ġieħ minnu. 

 

More in Socjali