Marie Claire Gatt | Sena wara, il-kampanja għal Manoel Island
Marie Claire Gatt hija studjuża fil-qasam tal-ekoloġija kif ukoll attivista mal-Moviment Graffitti, u tagħmel parti mill-kampanja Manoel Island: Post Għalina.
Bħal dan iż-żmien sena ilu, grupp attivisti mill-għaqdiet ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) u Moviment Graffitti bdew jikkunsidraw bis-serjetà l-potenzjal ta’ kampanja nazzjonali li kienet ilha snin tberren f’moħħhom; kampanja biex tħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti jabbandunaw il-pjan ta’ kostruzzjoni għal Manoel Island u jirritornaw l-art lill-pubbliku bħala spazju miftuħ. Sal-ewwel nofs ta din is-sena, il-kampanja ġiet minsuġa, imnedija, mxerrda mal-erbat irjieħ tal-pajjiż, u mirbuħa! Illum nirriflettu fuq il-passaġġ li ħadna, u dak li hemm quddiemna.
Il-kampanja Manoel Island: Post Għalina twieldet mill-passjoni kbira li grupp żgħir ta’ nies kellhom għall-potenzjal ta’ Manoel Island bħala pulmun aħdar għal għexieran ta’ eluf ta’ residenti fl-iktar parti urbanizzata tal-gżejjer Maltin. Manoel Island setgħet tiġi żviluppata b’filosofija li tmur lil hinn mill-mudell kummerċjali li sfigura l-ambjent tal-madwar. Minflok, rajna li setgħet tinbena, b’mod figurattiv, mill-ħtiġijiet tal-komunitajiet biswita u dawk li diġà jagħmlu użu minnha, mill-istorja u l-memorja kollettiva marbuta magħha, u l-bijodiversità rikka li għamlet din il-gżira f’nofs port darha. U rajna li kien hemm opportunità strateġika li dan iseħħ b’mod ġust fejn kulħadd joħroġ rebbieħ.
Meta wieħed iħares lura u jifli x’ġara matul din il-kampanja, jidher b’mod ċar li l-poplu huwa għatxan għal spazji miftuħa fl-ambjent li ngħixu fih. Ta’ min isemmi li ma’ din il-kampanja ssieħbu aktar minn 40 għaqda; għaqdiet ambjentali, gruppi komunitarji, organizzazzjonijiet tal-isport u s-saħħa mentali, kif ukoll il-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja. Waħda mill-ikbar tagħlimiet li għandna x’nieħdu minn din l-esperjenza hi l-poter ta’ ħolma li tinxtered f’qalb in-nies. In-numru ta’ persuni li offrew għemilhom u ħinhom b’mod kompletament volontarju, sempliċement għax emmnu fil-kawża, huwa kbir ħafna. Apparti l-attivisti tal-FAA u l-Moviment Graffitti, ngħaqdu dawk li vvolontarjaw ħinhom għall-pjan strateġiku tal-komunikazzjoni tal-kampanja, dawk li ddisinjaw l-aspett viżiv, mijiet ta’ nies li taw donazzjonijiet biex inkopru r-riklamar u saħansitra min offrielna li nirreklamaw b’xejn, u fuq kollox, għexieren ta’ nies li ħarġu jiġbru l-firem għall-petizzjoni mhux biss fost sħabhom u l-kollegi imma saħansitra mal-pubbliku. Meta ngħidu li ħadd ma jagħmel xejn għal xejn inkunu qed niżbaljaw jekk nifhmu li n-nies ifittxu ħlas monetarju. In-nies ifittxu li jagħtu kontribut għal kawża li tissodisfa t-twemmin tagħhom.
Il-petizzjoni parlamentari kienet mezz sabiex nuru li l-ħolma tagħna kienet waħda li r-residenti Maltin emmnu fil-ħtieġa u l-potenzjal tagħha. Iktar minn 29,000 ruħ iffirmawha fix-xahrejn li damet miftuħa, numru li jagħmel mal-5% tal-elettorat, u nemmnu li l-appoġġ pubbliku fil-fatt huwa ikbar minn dan in-numru. Dan rawh ukoll il-mexxejja tal-partiti politiċi kollha, li fehmu l-mandat li l-kampanja Manoel Island: Post Għalina kienet ġabret. Ftit ġimgħat wara li għalqet il-petizzjoni, il-qbil kien unanimu. Il-Gvern u l-MIDI, il-kumpanija li kienet ingħatat il-konċessjoni fuq Manoel Island 25 sena ilu mill-Parlament Malti, ikkommettew li jpoġġu madwar il-mejda u jinnegozjaw ir-ritorn ta’ Manoel Island lill-pubbliku biex isir park. Permezz ta’ din il-kampanja, il-karba tal-poplu għal spazji miftuħa qed twassal għal deċiżjonijiet dwar bnadi oħra fil-Gżejjer Maltin, bħall-proposta li s-sit tal-White Rocks ukoll isir park pubbliku minflok jingħata lill-privat.
Però x-xogħol tal-kampanja ma spiċċax f’Ġunju li għadda. Minn dakinhar, beda l-ippjanar għal sensiela ta’ sessjonijiet sabiex nifformulaw din il-viżjoni ta’ park għall-pubbliku u noħolqu mudell ġdid ta’ kif żvilupp fil-komunità seta’ jsir, b’rispett sħiħ lejn l-elementi kollha li jagħmlu lil Manoel Island il-ġojjel li hi. Tkellimna ma’ esperti fil-qasam tal-bijodiversità u l-istorja, mal-komunità Gżirjana, u ma’ viżitaturi minn madwar il-Gżejjer Maltin sabiex nifhmu u nimmappjaw l-assi ta’ Manoel Island, kemm dawk tanġibbli, kif ukoll dawk intanġibbli, mill-memorji u l-istejjer sal-atmosfera li tant nies ifittxu fuq din il-gżira. Esperjenzajna parteċipanti li ġew minn madwar Malta, minn oqsma tal-ħajja varji, u ta’ kull età, iżda ħafna elementi irrepetew rwieħhom minn sessjoni għal oħra. Fil-qofol ta’ kollox, hemm valuri bħall-identità mhux kummerċjali li għandha tieħu l-gżira, ir-rispett għas-sistemi ekoloġiċi, il-kenn mill-ġenn u l-istorbju urban, aċċess b’xejn u inklużiv, il-preservazzjoni tal-memorja kulturali, u l-kustodju komunitarju.
Bħalissa qed nikkompilaw ir-riżultati tal-ħames workshops li organizzajna sabiex nippreżentawhom lill-pubbliku u lill-gvern, bħala l-prodott li l-poplu jixtieq li jara fil-pjanijiet għal Manoel Island. Il-ħidma tal-kampanja se tibqa’ għaddejja sabiex verament niżguraw li Manoel Island isir verament post għalina.
