Ix-xogħol għad-dar li jingħata lill-istudenti qed ikun ta’ piż żejjed fuqhom u fuq tfulithom?
Ramona Attard hija Membru Parlamentari Laburista
F’dawn l-aħħar ġimgħat, id-diskussjoni dwar il-homework reġgħet qabdet ir-ritmu tagħha, wara li l-Prim Ministru, fir-replika tiegħu għad-diskors tal-Budget, sostna li rridu nibqgħu ninvestu u nibqgħu nixprunaw diskussjonijiet bħal dik fuq it-tema tal-homework; diskussjonijiet li aħna l-ġenituri nisimgħuhom ta’ kuljum mit-tfal tagħna d-dar, u dan sabiex naslu għad-deċiżjonijiet il-korretti. Din hija tema li kont bdejt nitkellem fuqha jien stess fil-maiden speech tiegħi hekk kif dħalt fil-Parlament f’Jannar li għadda. Fil-fatt, l-ewwel attività pubblika li organizzajt kienet laqgħa miftuħa għal kulħadd proprju fuq din il-kwistjoni.
Kienet diskussjoni ħajja u mqanqla, li fiha ħadu sehem professjonisti minn oqsma differenti, ġenituri, u anke nanniet. Fost il-parteċipanti niftakar lil Dr Charmaine Bonello, lettur li tispeċjalizza fit-tfulija u fl-edukazzjoni primarja. Hija sostniet li wieħed mill-ilmenti prinċipali tat-tfal, speċjalment meta jkunu żgħar, huwa li jħossu li jiktbu ħafna, tant li juġgħuhom subgħajhom u għalhekk sostniet li hemm lok li l-homework ikun aktar ibbażat fuq logħob interattiv u metodi kreattivi. Min-naħa tiegħu, il-preżentatur John Bundy li hu nannu, kif ukoll l-Eks Deputat Mexxej Daniel Micallef, li hu missier, f’din id-diskussjoni qalu li jixtiequ li ma jeżistix il-homework sabiex it-tfal ikunu jistgħu jgawdu aktar it-tfulija.
Fl-istess laqgħa, Dr Danika Marmarà, professjonista fil-qasam tal-kanċer u omm ta’ tlett itfal, saħqet fuq l-importanza tal-bilanċ, u sostniet li l-homework jista’ jibqa’ jservi bħala mezz sabiex il-ġenituri jsegwu aħjar xi jkun qed isir fl-iskola, sakemm jitħaddem b’mod raġonevoli u adattat għall-età.
L-interventi mill-pubbliku kienu sinifikattivi wkoll. Niftakar b’mod partikolari omm ta’ tewmin bl-awtiżmu li spjegat kemm, bis-sistema preżenti, qed tħabbat wiċċha ma’ diffikultajiet kbar biex uliedha jagħmlu l-homework, u kif, aktar ma qed jikbru, aktar qed jiltaqgħu ma’ ostakli li jolqtu wkoll il-mod kif iħejju ruħhom għall-eżamijiet.
Kien hemm diversi punti interessanti, xi wħud li jaqblu u oħrajn li jikkuntrastaw, iżda fuq punt wieħed kien hemm konverġenza sħiħa, li kif qal il-Prim Ministru, hemm bżonn ta’ diskussjoni serja u nazzjonali.
U din id-diskussjoni ma tistax tkun limitata għall-edukaturi biss. L-edukaturi huma parti essenzjali u kruċjali f’dan il-proċess, iżda diskussjoni bħal din, li se tħalli effett fuq il-futur tat-tfal tagħna trid tinvolvi wkoll lill-ġenituri, lin-nanniet u, fuq kollox, lit-tfal infushom. Jeħtieġ nisimgħu x’inhi l-perspettiva tat-tfal dwar il-homework u l-impatt tiegħu fuq ħajjithom.
F’diskussjoni bħal din irridu nistaqsu b’mod onest: xi tfulija rridu għal uliedna, u x’tip ta’ edukazzjoni qed noffru? Irridu nitkellmu b’mod ċar dwar x’inhu verament fl-interess tat-tfal tagħna u dwar il-piżijiet li qed iġorru l-familji. Nistaqsu lilna nfusna jekk hux qed jibqa’ biżżejjed ħin biex il-familji jqattgħu flimkien. Meta t-tfal jaslu d-dar għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar, jieklu, jagħmlu l-homework, u mbagħad ħafna minnhom jispiċċaw iduru madwar Malta għal attivitajiet extra-kurrikulari, x’ħin jibqa’ għall-familja?
Qed nitkellem b’dan il-mod mhux biss bħala deputat parlamentari, imma wkoll bħala omm ta’ tlett itfal, u għalhekk nifhem ir-realtajiet tat-trobbija. Dawn ir-realtajiet isiru aktar ta’ sfida meta jkun hemm tfal b’mard jew bi bżonnijiet speċjali. Napprezza l-ħidma ta’ ġenituri li jissieltu kuljum għal uliedhom.
Jiena ġejja minn familja sempliċi. Missieri u ommi, li ma kellhomx l-opportunità jitgħallmu ħafna, b’ħidma u sagrifiċċji kbar għallmuni li l-edukazzjoni hija l-akbar għodda li tista’ tbiddel il-ħajja. Għalhekk aktar nemmen f’edukazzjoni li tħalli spazju għat-tfulija wkoll. Il-logħob, il-ħin ta’ kwalità mal-familja, il-kreattività u l-espressjoni personali huma kollha parti integrali mill-mixja edukattiva ta’ kull tifel u tifla.
Għalhekk irridu nistaqsu u nwieġbu bi studji u b’evidenza: it-tfal tagħna llum qed nagħtuhom edukazzjoni li tħalli spazju għat-tfulija? Jew qed inżidu piż li joħnoqha? Ma jagħmilx sens li wara li t-tfal iqattgħu mill-inqas sitt sigħat fl-iskola, bilqiegħda jitgħallmu u jiktbu, jerġgħu jiġu d-dar u jkomplu l-istess rutina ta’ kitba u reviżjoni, speċjalment meta jkunu għadhom żgħar u fil-livell primarju.
Hawnhekk tidħol ukoll il-kwistjoni ta’ ugwaljanza. Hemm tfal li jmorru d-dar u jsibu kamra kwieta, ġenitur li jgħinhom, jew saħansitra lezzjonijiet privati meta jkun hemm bżonn. Iżda hemm oħrajn li lanqas spazju żgħir għall-kwiet m’għandhom, jew li ma jsibux min jgħinhom minħabba r-realtajiet tal-familja. Dawn it-tfal l-għada jmorru l-iskola mtaqqla b’sens ta’ falliment, mhux għax m’għandhomx potenzjal, iżda għax m’għandhomx l-istess ċans fid-dar.
Għalhekk nemmen li hemm bżonn diskussjoni serja fuq kemm u x’tip ta’ homework jingħata, jekk ir-regoli eżistenti dwar kif jingħata l-homework hux qed jiġu osservati, u jekk hemmx lok li nirreveduhom biex nagħtu aktar spazju lit-tfal biex jiżviluppaw il-kreattività tagħhom. Minflok xogħol repetittiv ta’ kitba u reviżjoni, nistgħu nagħtu xogħol li jħeġġuhom jaħsbu, josservaw, jesperimentaw fin-natura u fix-xjenza, u jitgħallmu b’mod aktar attiv, hands-on.
Irridu wkoll noħolqu strutturi fl-iskejjel stess biex it-tfal li, għal xi raġuni jew oħra, ibatu biex jagħmlu l-homework id-dar ma jkunux iġġudikati jew imċaħħda, iżda jingħataw l-għajnuna meħtieġa mill-iskola f’ambjent ta’ serħan u appoġġ, mhux ta’ tfixkil jew pressjoni.
Fuq kollox, għandna skejjel bi grounds kbar u spazji li jistgħu jintużaw waranofsinhar għall-isport, l-arti, id-drama jew il-mużika. Jeħtieġ nikkunsidraw li l-privat juża dawn il-faċilitajiet bi ftehim mal-Gvern, u d-dħul li jinġabar jista’ jmur biex intejbu l-infrastruttura tal-iskejjel, fosthom biex ikollna skejjel kollha mgħammra b’sistema tajba ta’ air conditions. Iżda, aktar minn hekk, jekk l-iskejjel tal-irħula u l-bliet jintużaw għall-extra-curriculars, it-tfal ikollhom aktar possibbiltà ta’ aċċess dirett għal dawn l-attivitajiet, inkluż dawk li ġejjin minn familji li ma jaffordjawx jew li m’għandhomx trasport biex jieħdu t-tfal tagħhom għal xi attività extra-kurrikulari. B’hekk innaqqsu wkoll il-ħtieġa ta’ vjaġġar bla bżonn u t-traffiku, u nżidu ħin ta’ kwalità għall-familji.
Il-viżjoni tiegħi tinkludi wkoll li meta l-iskejjel ma jkunux qed jintużaw, jistgħu jservu bħala study areas għal tfal, żgħażagħ u anke studenti maturi, sabiex nipprovdu spazju kwiet għal min ma jkollux fejn jistudja fid-dar.
Fl-aħħar nett, kull riforma fl-edukazzjoni għandha tkun riforma favur opportunitajiet ugwali għat-tfal kollha, filwaqt li nsaħħu l-ħin ta’ kwalità li l-familji jqattgħu flimkien. B’dan il-mod inkunu qed nipproteġu u ninvestu fl-ikbar ġid li għandu pajjiżna, uliedna.
Għalhekk nirringrazzja lill-Prim Ministru talli poġġa din it-tema fuq livell nazzjonali. Issa l-pass li jmiss huwa li nisimgħu, ninvestu, u nibnu mudell li jaħdem għat-tfal kollha f’pajjizna. Għax jekk nemmnu tassew fi tfulija b’saħħitha u f’edukazzjoni b’dinjità, irridu nkunu kuraġġużi biżżejjed biex nagħmlu r-riformi meħtieġa, mhux biex innaqqsu l-istandards, imma biex nilħqu standards għoljin fl-edukazzjoni b’mod aktar ġust, modern, u uman.
