Carm Mifsud Bonnici | Fit-triq it-tajba

Carm Mifsud Bonnici huwa membru parlamentari Nazzjonalista

Hemm numru ta’ punti li wieħed irid jieħu ħsieb jikkonsidra fl-għarbiel ta’ x’soċjetà u xi struttura demokratika nħaddnu. Bejn realtà u prekunċetti ta’ miti li jridu jiġu dibattuti. Dawk partikolarment marbuta mal-bnedmin fil-poter f’dak li jaħsbu li għandhom f’idejhom u f’dak li attwalment huma.  

Fil-ħsibijiet li ilhom jiġu tramandati fil-moħħ tal-poplu għal sekli u ma ġewx kontestati imma aċċettati bħala veritieri. Fil-fatt, il-bnedmin ħafna drabi ‘jiddivinizzaw’ wisq drabi l-poter fih innifsu. Jattribwixxu għal dawk li jidentifikaw bħala kapijiet fakultà, abbiltajiet kważi illimitati li jibdlu l-istorja tal-pajjiż u tagħhom stess.  

Jimmaġinaw dak li mhuwiex, li dawk li jiggvernaw għandhom kontroll sħiħ fuq il-politika, l-ekonomija, il-burokraziji varji u d-demokrazija stess. Imma fil-fatt nafu li dan mhuwiex minnu, hemm limitazzjonijiet.  

 

Fejn jinsab il-poter 

Min għandu r-responsabbiltà politika li qed nitkellmu fuqha għandu jagħraf li huwa mxekkel naturalment minn numru ta’ raġunijiet. B’dak li huwa mdawwar, bl-unuri, bil-pompa, bil-parati, ċerimonjali varji, bis-sigurtà li trid tipproteġih, bil-ħajja differenti, jaf iktar jagħraf li jrid jikkumbatti kontra n-nuqqas ta’ realtà tal-pożizzjoni.  

Min għandu l-poter f’idejh jispiċċa neċessarjament maqtugħ mill-ħajja normali tal-bnedmin fl-attivitajiet soċjali tagħhom. Anzi aktar mhuma kbar il-poteri, aktar isib ostakli f’dak li jaħseb li hija triqtu. Isib ruħu jikkumbatti l-fatt li biċċa biċċa qiegħed jitnaqqaslu l-konoxxenza tad-dinja li hemm madwaru. Dik li l-fatti veri mhumiex iktar għad-dispożizzjoni tiegħu. F’dan hemm min jaħseb li l-poter veru li jibdel mhuwiex fil-ministeri varji imma fil-kurrenti ta’ ideat, spiritwali u materjali li jkunu qegħdin iċaqilqu s-soċjetà. 

 

Viċin il-poplu 

Iktar u iktar meta nagħrfu li l-istatistika li tipprova tiġbor il-fatti veri għandha l-fallaċji tagħha. Il-marġini ta’ żball u varjetà li jibdlu kollox ’il fuq jew ’l isfel jitqiegħdu fil-ġenb u wieħed jipprova jikkonċentra lejn dak li jidher li qiegħed jagħmel sens fil-massa ta’ informazzjoni.  

Mhux biss imma dawk li jiġbru d-data jużaw sistemi differenti u jiltaqgħu ma bnedmin differenti li minnhom joħorġu direzzjonijiet daqshekk ieħor varji. Il-bniedem jagħmel x’jagħmel jaf li għandu diffikultà biex jidentifika l-pożizzjoni vera sħiħa. Iktar u iktar minn qiegħed fil-poter li jrid iżomm lill-poplu jaħseb li huwa għandu l-istampa ċara quddiemu u li allura ‘kapaċi’ jagħmel id-deċiżjonijiet it-tajba għal kulħadd. Storja li min qiegħed fil-poter isib li jrid isostni anki jekk mhuwiex wisq konvint dwarha f’qalbu.  

Imma r-realtà jingħad x’jingħad dwarha hija proprju li kull min qiegħed fil-poter politiku jrid jaġixxi fil-parametri u l-limitazzjonijiet ta’ din il-pożizzjoni. 

 

Wieħed jammira 

Proprju f’dan, wieħed irid jammira dak li qiegħed indirettament isir biex il-linja tigi ddrittata. L-iktar mill-gazzetti li fil-limitazzjonijiet ekonomiċi u tal-komplikazzjonijiet biex joperaw qegħdin iżommu kuntatt dirett mal-poplu. L-istħarriġ tal-opinjonijiet li jsir kontinwament huwa eżerċizzju demokratiku li jisfida l-illużjoni li ħaddieħor irid. Anzi qiegħed ikun kontroll fuq il-partiti politiċi sabiex jibdlu dak li l-elettorat li jirrappreżentaw iridu mingħandhom. Mhux biss imma f’din id-domanda li ssir, avolja hija kkundizzjonata fil-konformitajiet tagħha, hija xorta utli u tiftaħ l-għajnejn.  

Ngħid kondizzjonata għax hija bbażata, mhux f’dak li l-poplu jrid jesprimi opinjoni, jew messaġġ lejn min imexxih li jiġi identifikat b’kuntatt dirett ma’ dawk li jivvutaw, imma f’forom ta’ kunċetti prestabbiliti inkella aqwa Brusseljani. 

 

Proprju fuq dan 

Proprju fuq dan li l-politiċi f’pajjiżna jridu jimxu. Jifhmu l-arti vera tal-politika li tirrappreżenta l-volontà popolari. Limitazzjoni li hija aktar diffiċli fil-kumdità apparenti li tħalli lir-raba’ pilastru lura milli jeżerċita kif għandu jkun il-mestier tiegħu, fejn f’dan hemm inqas fatti u opinjonijiet bbażati fuq il-ħajja li huma għad-dispożizzjoni.  

Sfortunament, f’dawn l-aħħar xhur, ir-reazzjonijiet politiċi jistgħu faċilment jiġu identifikati minn fejn ġejjin u għaliex iktar fejn jaħsbu li sejrin fuq deċiżjonijiet meħuda fuq parti mill-fatti. Iktar u iktar mill-komplikazzjoni inutli li daħħal il-Gvern stess fuq jekk għandux jew jekk huwiex se jmur għall-elezzjoni ġenerali qabel żmienha. Sqaq dejjaq li daħħal lilu nnifsu fih u li wieħed jifhem għala hemm min issa f’din s-sitwazzjoni jrid joħorġu minnha malajr. Proprju għax l-indikazzjoni hija li jekk il-Partit Laburista jmur għal elezzjoni bikrija qabel, allura għandu problemi interni jew qed jaħbi affarijiet li jaf hu biss. Iktar u iktar fl-isfond evidenti li bil-limitazzjonijiet tal-istħarriġ hemm ċar li l-vot sejjer biċċa biċċa kontra l-Gvern.  

Il-bażi elettorali għalih qiegħda titnaqqas u tittiekel. Il-poplu qiegħed inaqqas mill-appoġġ lilu wara din it-tielet leġiżlatura u din id-darba huwa evidenti li fiż-żmien tar-referendum elettorali se jkun hemm prinċipalment id-domanda jekk il-Gvern għandux jibqa’ hemm jew le.                   

 

Proċess inevitabbli 

F’dan ix-xenarju jidher li hemm għatx kbir fil-pajjiż għal politika ta’ sustanza. Il-Gvern qiegħed jipprova juri li għadu mimli b’vitalità ta’ ideat u viżjoni mmexxija minn dawk li jafu, imma fil-fatt, il-poter ġieb aktar il-politika li fiha huwa importanti kif tamministra iktar milli kif tħares lejn proġetti futuri. Limitata iktar sabiex ma turtax u tibqa’ żżomm f’postha l-maġġoranza li bnejt fuq il-kunċett tal-alleanza tal-affluwenti.  

Hemm forom ta’ konsolidazzjoni fil-konservattiviżmu li qiegħed jemerġi. Sfida iktar diffiċli proprju għax it-tastieri li qabel ġew magħfusa kontra l-Partit Nazzjonalista, illum m’għadhomx iktar applikabbli. Kemm għax il-pajjiz xeba’ minn dik ir-retorika, kif ukoll minħabba bidliet fil-partit. Hemm min għadu jaħseb li hija biss l-immaġini, il-paraventu li jgħoddu fil-politika tagħna, sempliċi attività jew ritratti kommoventi, imma l-verità hija bil-kontra. Hija s-sustanza politika, fl-ideat u fil-kunċetti li hemm sejħa u karba elettorali għaliha.  

Dik hija li tagħmel il-ħidma u tfassal it-tmexxija tal-Istat fit-triq it-tajba.   

More in Socjali