Carmel Cacopardo | Il-kosta tagħna lkoll: inħarsuha
L-għoli fil-livell tal-baħar ikollu impatt sostanzjali fuq il-gżejjer Maltin, skont kemm dan ikun kbir. Jeffettwa l-infrastruttura kostali kollha: l-infrastruttura marittima, dik tat-turiżmu, tal-ilma kif ukoll l-infrastruttura tal-enerġija li huma kollha b’xi mod marbuta mal-kosta. Kemm-il darba jogħla l-livell tal-baħar dawn kollha jitħarbtu. Anke ż-żoni residenzjali viċin tal-kosta jsofru impatti mhux żgħar.
Għaddej sforz kontinwu biex il-kosta tkun ikkumerċjalizzata. Sforz li ilu għaddej is-snin. Il-jott marina proposta f’Wied il-Għajn hi biss eżempju wieħed minn bosta li mhumiex limitati għan-nofsinnhar politiku, iżda li huma mifruxa mal-pajjiż. Fost l-eżempji hemm it-Terminal tal-Port Ħieles, Manoel Island, il-Bajja tal-Balluta, ix-Xatt u l-jott marina tal-Birgu, il-jott marina fil-Kalkara u x-Xatt tal-Belt.
Hemm ukoll għaddejja il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazji pubbliċi mal-kosta, bil-bankini b’kollox.
L-art pubblika kontinwament qed tkun trasformata f’minjiera ta’ profitti privati, ħafna drabi għall-magħżulin. Il-kwalità tal-ħajja tar-residenti rari jagħtu każ tagħha, jekk mhux fl-aħħar minuta. Meta possibli jevitawha kompletament ukoll.
Għaddew madwar erba’ snin minn meta l-Parlament approva l-leġislazzjoni biex tissaħħah il-protezzjoni tal-kosta permezz tal-liġi dwar id-dominju pubbliku. Kellna kemm il-Ministru li tkellem b’mod pompuż dwar dan. L-għaqdiet ambjentali ippreżentaw lista ta’ aktar minn għoxrin sit, mifruxa mal-kosta, li kollha kemm huma jikkwalifikaw għall-protezzjoni. Ninsab infurmat li l-għaqdiet ambjentali għamlu riċerka estensiva dwar min hu sid din l-art. Iżda sfortunatament l-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorità tal-Ippjanar qed iżommu dan il-proċess milli jitwettaq, anke għal dawk il-każijiet fejn l-art hi kollha kemm hi propjetà pubblika.
Għalfejn jiġu approvati dawn il-liġijiet jekk ma hemm l-ebda intenzjoni li dawn ikunu implimentati?
Nafu li wieħed mill-impatti ewlenin tat-tibdil fil-klima fuq il-gżejjer, inkluż dawk Maltin, hu bit-tibdil fl-livell tal-baħar. Numru ta’ gżejjer fl-Oċean Paċifiku li mhumiex wisq ‘il fuq minn livell il-baħar diġà bdew jisparixxu taħt baħar li l-livell tiegħu qed jogħla. Robert Abela, Prim Ministru, huwa u jindirizza l-laqgħa Internazzjonali fi Glasgow dwar it-tibdil fil-klima (COP26), iktar kmieni din il-ġimgħa, emfasizza dan il-punt.
L-għoli fil-livell tal-baħar ikollu impatt sostanzjali fuq il-gżejjer Maltin, skont kemm dan ikun kbir. Jeffettwa l-infrastruttura kostali kollha: l-infrastruttura marittima, dik tat-turiżmu, tal-ilma kif ukoll l-infrastruttura tal-enerġija li huma kollha b’xi mod marbuta mal-kosta. Kemm-il darba jogħla l-livell tal-baħar dawn kollha jitħarbtu. Anke ż-żoni residenzjali viċin tal-kosta jsofru impatti mhux żgħar.
Ħadd ma jaf eżatt dwar kemm, kif u meta dan se jseħħ. L-ewwel nett għax il-proċess li bih dan iseħħ għad mhux mifhum biżżejjed. Imma wkoll għax għalkemm ma nistgħux nevitawh nistgħu nnaqqsu l-impatt tiegħu billi nindirizzaw u nnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju.
Repetutatament fil-laqgħat tal-UNFCCC (United Nations Framework Convention for Climate Change) li jsiru regolarment tul is-snin, kien hemm enfasi fuq il-ħtieġa li ż-żieda fit-temperatura globali minn kif kienet fl-era pre-industrijali ma tiżdidx b’iktar minn 1.5 gradi Celsius. Dan sar fuq insistenza tal-istati gżejjer u tal-pajjiżi sottożviluppati, għax għal snin twal il-limitu raġjonevoli kien meqjus li kien ta’ żewġ gradi Celsius. Pass ieħor ‘il quddiem. Imma mhux biżżejjed.
F’Pariġu fl-2015 kien hemm qbil dwar dan kollu. Imma sfortunatament dan ma kienx ikkonvertit f’azzjoni. Huwa dak li issa qed nistennew li jseħħ fi Glasgow.
Huwa essenzjali li nindirizzaw it-tibdil fil-klima bis-serjetà. Anke l-ħarsien tal-kosta jiddependi minn hekk.