Alex Agius Saliba | Qalb dan iż-żmien ta’ negattività, rridu niżirgħu l-pożittiv

L-MEP Alex Agius Saliba dwar l-effetti ta' dak li qed jiġri bħalisa fuq is-saħħa mentali ta' bosta

Tbissem u oħloq il-pożittività
Tbissem u oħloq il-pożittività

Immaġinak tqum filgħodu u tħoss biżà, bħal eċitament u dwejjaq ta’ kuljum. Minkejja kollox, tlesti biex taffaċċja ġurnata oħra bi tbissima fuq wiċċek li taħbi dak li tkun qiegħed tħoss fil-verità. Din hija l-ħajja ta’ persuni li jbagħtu mill-anzjetà u mid-dipressjoni. Ħajja li ftit li xejn huma dawk li jifmuha jew jindunaw li persuna tkun għaddejja minnha. Għalhekk, ħassejt li bħala Membru Parlamentari Ewropew għandi nkun il-vuċi għal dawn il-persuni li minħabba l-istigma fost oħrajn, jsibuha diffiċli jsemmgħu l-vuċi tagħhom.

Dan huwa żmien diffiċli għal kull wieħed u waħda minnha, żmien diffiċli għall-Ewropa u għad-dinja kollha. Iżda huwa żmien aktar diffiċli għal dik il-persuna li tbagħti mill-anzjetà u d-dipressjoni. Kien għalhekk li bdejt il-kampanja Recharge Your Brain, Stay Sane biex f’dan il-perjodu aktar sensittiv minn perjodi oħrajn inżidu l-għarfien dwar kif aħna, ta’ kuljum, nistgħu nevitaw li nżidu t-tensjoni fost dawn l-individwi u nifhmuhom aħjar.

Qatt ħsibt li meta xxerred aħbar li mhux vera, qlajja jew informazzjoni skorretta tkun qiegħed toħloq aktar anzjetà fost dawn l-individwi bħalna? Ħafna drabi nirreferu għal din it-tip ta’ informazzjoni bħala fake news li m’huwiex aċċettabbli li nxerrdu aħna stess. Immaġina lil dik il-persuna li għandha Obsessive–compulsive disorder dwar l-indafa, dwar il-mard u dik il-persuna li kull tip ta’ informazzjoni tagħmel sigħat taħseb fuqha biex tipproċessaha għaliex tbagħti mill-anzjetà meta taqra jew tisma’ aħbar allarmanti dwar il-COVID-19 li ma tkun xejn għajr qlajja. Huwa għalhekk, li rridu nkunu konxji minn din it-tbagħtija doppja li għaddejjin biha dawn il-persuni f’kull ħaġa li ngħidu, niktbu jew nagħmlu.

Ma nistax ma norbotx ukoll l-effetti fuq is-saħħa mentali ta’ kull wieħed u waħda minnha, li tħalli tensjoni żejda. Tensjoni li fost oħrajn hija riżultat ta’ prezzijiet ta’ affarijiet bażiċi li qiegħdin jogħlew f’dan il-perjodu. Ma nistgħux nippermettu li f’dan iż-żmien noħolqu aktar tensjoni lil familji tagħna għaliex meta jmorru jixtru l-bżonnijiet tagħhom jirrealizzaw li qiegħdin iħallsu aktar mis-soltu fiż-żmien finanzjarju aktar diffiċli. Fiż-żmien li n-nefqa tagħhom żdiedet għaliex qiegħdin ikunu aktar id-dar, nefqa li żdiedet bi dħul li possibbilment naqas. Nappella għalhekk li f’dawn iż-żminijiet in-negozji tagħna jġibu l-ewwel l-interess pubbliku, li ċert li se jkunu qiegħdin irodduh lura ladarba tgħaddi din il-pandemija. Huwa għalhekk li appellajt lil Kummissjoni Ewropea sabiex matul din il-kriżi l-Gvernijiet tagħna jkollhom dritt li jikkontrollaw il-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali. Dan filwaqt li qiegħed niddiskuti u naħdem flimkien ma’ negozjanti lokali biex ma jgħollux il-prezzijiet f’dan iż-żmien ta’ aktar vulnerabbiltà.

Qalb dan iż-żmien ta’ negattività, rridu niżiraw il-pożittiv. Għalhekk, se nkompli nkun ta’ vuċi għal kull wieħed u waħda minnkom, mhux biss fuq livell Ewropew iżda anke fuq livell lokali.

More in Socjali