Storja ta’ Nazzjon: Ħelsien mibni fuq il-valuri tal-paċi u d-djalogu
Din mhux l-Unjoni Ewropea li jridu n-nies, ċertament mhux l-Unjoni Ewropea li sseħibna fiha għoxrin sena ilu... Il-ħelsien ta’ pajjiżna llum għalhekk huwa ferm aktar relevanti
L-istorja hija mera tal-futur. Dak li għaddew minnu missirijietna huwa boxxla għalina, u hekk kif illum qed infakkru l-ħamsa u erbgħin anniversarju mill-kisba importanti tal-ħelsien, din l-okkażjoni toffri mument għal riflessjoni dwar it-tifsira ta’ dan il-ħelsien għalina llum. Id-diversi kwistjonijiet u sfidi kontemporanji li jaffaċċja pajjiżna llum iġegħluna nirriflettu fuq l-importanza ta’ din il-kisba li ta’ qabilna tant issieltu għaliha. Filwaqt li nikkommemoraw jum ankrat fir-rebħa storika, u ċertament xejn ma jista’ jħassar dak ix-xogħol tant prezzjuż li għamlu ta’ qabilna biex illum qegħdin fejn qegħdin, ma jfissirx li nistgħu nistrieħu fuq dawk il-kisbiet biss. Irridu naħsbu fuq dak li għaddejjin minnu bħala nazzjon, kemm fuq livell domestiku, iżda wkoll f’kuntest internazzjonali biex insibu l-valur veru tal-ħelsien.
Fuq quddiem nett ta’ dawn l-isfidi hemm il-bilanċ delikat bejn is-sovranità nazzjonali u dak li jagħmilna Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u aktar minn hekk, dak li jagħmilna parti mid-dinja ħielsa, pajjiż sovran b’ekonomija miftuħa li jipparteċipa b’mod sħiħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet internazzjonali. Huwa fatt li ma jistax ikun merut li mindu ssieħeb fl-Unjoni Ewropea, il-fibra ta’ pajjiżna tista’ tgħid li nbidlet b’mod konsiderevoli fuq bosta livelli. Id-diversi avvanzi ekonomiċi u soċjali ffaċilitati mill-integrazzjoni fi blokk politiku u ekonomiku ta’ dak il-kobor kienu strumentali għal bosta bidliet. Madankollu, din l-integrazzjoni fissret ukoll li Malta hija soġġetta għal politiki u regolamenti madwar l-Unjoni Ewropea li xi kultant jistgħu jistonaw mal-prijoritajiet jew is-sensittivitajiet nazzjonali.
Mingħajr ma nkun populist, bla dubju ta’ xejn li d-diskussjoni ferventi li għaddejja fuq livell nazzjonali dwar l-indipendenza, u l-prinċipji tan-newtralità u n-nonallinjament ta’ pajjiżna huma sfond importanti għan-natura multidimensjonali tal-ħelsien ta’ pajjiżna f’dinja globalizzata. L-isforzi kbar li għamlu ta’ qabilna biex ksibna l-ħelsien mill-barrani, biex pajjiżna ma jibqax iservi ta’ bażi militari u ma nibqgħux niġġieldu gwerer ta’ ħaddieħor, iżda fuq kollox biex ksibna l-paċi u stajna mmexxu lil pajjiżna bla ndħil, sfortunatament hawn min għandu t-tendenza li jissottovalutahom. Inħarsu madwarna llum, qed ngħixu f’dinja mifnija bil-gwerer u l-kunflitti, sitwazzjoni li ħafna ħasbu li qatt ma konna ser nerġgħu nsibu ruħna fiha, però l-fatt hu li llum fl-Ewropa ninsabu ċċirkondati b’aggressjoni u mwiet ta’ bosta innoċenti fejn kull għodda qed tintuża biex tkisser minflok biex tgħaqqad.
Il-ħelsien ta’ pajjiżna llum għalhekk huwa ferm aktar relevanti. Huma ferm aktar prezzjużi dawk il-prinċipji li għandna fil-Kostituzzjoni tagħna li sawru s-sisien ta’ pajjiżna fuq il-valuri tal-paċi, id-djalogu u d-diplomazija u minkejja li hawn min jipprova jiżola lil pajjiżna u jgħid li dawn il-valuri huma antikwati, jien ngħid li qatt daqs illum ma kien aktar ċar kemm pajjiżna huwa importanti u għandu valur f’dinja li bħal donnha qed titlef kull sens ta’ direzzjoni. Sfortunatament, illum nifformaw parti minn Unjoni Ewropea fejn il-mexxejja tagħha nesew minn fejn bdejna, abbandunaw il-proġett tal-paċi u l-prosperità li bdew ta’ qabilna u minflok illum jinsabu iktar iffukati fuq il-gwerra u l-armi qerrieda. Illum għandna l-Partit tal-Popolari Ewropej li ta’ kuljum qiegħed ikompli jimbotta aktar biex il-blokk Ewropew jonfoq u jinvesti iktar fl-armamenti minflok qed ninvestu biex inwasslu għall-waqfien mill-ġlied u nikkundannaw il-ġenoċidji. Għandek lil Roberta Metsola tiġri fil-Parlamenti Nazzjonali tgħid li l-Unjoni Ewropea trid tinvesti biex ikollha armata waħda komuni, lil Ursula von der Leyen tgħidilna li l-ħames snin li ġejjin se jkunu ffukati fuq id-difiża u l-investiment fl-industrija tal-gwerra, u lil Manfred Weber jgħid li wasal iż-żmien li l-Unjoni tinvesti f’armi nukleari. Din mhux l-Unjoni Ewropea li jridu n-nies, ċertament mhux l-Unjoni Ewropea li sseħibna fiha għoxrin sena ilu.
Għaldaqstant, meta qed inkunu ffaċċjati b’dawn l-isfidi, l-ispirtu ta’ jum il-ħelsien – bl-enfasi fuq ir-reżiljenza, l-għaqda, u t-tfittxija kontinwa għal-libertà u l-paċi – huma aktar rilevanti minn qatt qabel, u jiggwidawna fil-mixja ta’ pajjiżna. L-interazzjoni kumplessa tal-ambizzjoni nazzjonali u l-integrazzjoni Ewropea llum huma sfida kontinwa għall-ħelsien ta’ pajjiżna li jeħtieġu tmexxija soda li tħaddan u tibqa’ tipprijoritizza l-valur tad-djalogu li tant huwa kruċjali għall-kisba tal-paċi u l-istabbiltà fid-dinja. Lil hinn mid-dinja ta’ politiċi li moħħhom biss f’kemm jidhru b’saħħithom, importanti nżommu quddiem għajnejna l-valuri tagħna għaliex huma dawk li veru għandha bżonn id-dinja.
Nieħu din l-opportunità biex minn qalbi nawgura wkoll l-Għid it-tajjeb lil kulħadd.