Owen Bonnici | Esebizzjoni marbuta mal-festa Maltija fil-Parlament Ewropew

Dan it-titlu jitfa’ iktar piż fuq l-awtoritajiet biex jassiguraw li dan il-wirt tant sabiħ ikompli jimxi ’l quddiem

L-Erbgħa li għadda, flimkien mal-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba, nidejna wirja fi Brussell li tiċċelebra l-Festa Maltija. 

Fil-fatt, parti sabiħa minn sular tal-binja tal-Parlament Ewropew inksiet pavaljuni, drapp u tiżjin ieħor marbut ma’ din l-espressjoni kulturali tant sabiħa. U kien jixraq, wara li l-istess festa Maltija ġiet rikonoxxuta uffiċjalment bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO s-sena li għaddiet! 

Fil-verità, dan it-titlu jitfa’ iktar piż fuq l-awtoritajiet biex jassiguraw li dan il-wirt tant sabiħ ikompli jimxi ’l quddiem. U hekk qed nagħmlu fil-verità. 

Għal Alex u għalija, din l-esebizzjoni kienet opportunità eċċellenti biex l-espressjonijiet kulturali tagħna jitferrxu barra minn pajjiżna – f’dan il-każ fil-kurituri ta’ waħda mill-istituzzjonijiet l-iktar importanti fl-Ewropa. Milli qaluli, kienu diversi l-MEPs u funzjonarji fi Brussell li wrew kurżità u daħlu jaraw dak li kien hemm għall-wiri. Kien hemm xi wħud ħasbu li l-bandalori huma tiżjin tal-palazzi … stagħġbu meta għednielhom li dawn jintużaw biex jarmaw toroq u pjazez! 

Dan kollu naturalment m’għamilniehx weħidna. Kienu 14-il soċjetà marbuta mal-festa Maltija li pparteċipaw f’din il-wirja, u l-kurazija tal-esebizzjoni kienet fdata f’idejn il-ħabib tiegħi Antoine Farrugia li għamel biċċa xogħol tajba. Kelma ta’ ringrazzjament ukoll lill-istaff tiegħi u l-istaff ta’ Alex li ħadmu pinna u rnexxielna nwasslu l-vapur sal-port. 

Jidhirli li l-fatt li wirja bħal din ittellgħet fil-Parlament Ewropew, u għalhekk f’waħda mill-iktar istituzzjonijiet sinifikanti fl-isfera Ewropea u lil hinn, hija ta’ prestiġju kbir għal numru kbir ta’ voluntiera li jaħdmu b’tant passjoni. Ħaqqhom verament kull tifħir għaliex kif uriet l-esebizzjoni, dawn jagħmlu ħafna biex it-tradizzjonijiet marbutin mal-festi ma jkunux sempliċement folklor imma espressjoni ħajja u għaldaqstant Maltija. 

F’din il-wirja qed jiġu esposti bandalori li juru emblemi u siltiet mill-istorja tagħna, bħas-Salib ta’ Malta, elementi mill-Ordni tal-Kavallieri, u oġġetti ta’ valur tradizzjonali oħra. Hemm ukoll żewġ screens armati li fuqhom se jidhru ftit mumenti mill-Festa Maltija. Din il-wirja offriet esperjenza daqslikieku wieħed qiegħed jimxi minn triq tar-raħal jew belt imżejna għall-festa. 

Mhux ta’ b’xejn aħna nagħtu l-massimu tagħna biex ngħinu lill-festi Maltin. Ftit ilu, pereżempju, ħabbarna €700,000 f’sostenn lill-għaqdiet tal-banda, l-assoċjazzjonijiet tal-armar u l-kmamar tan-nar.  Din l-iskema ta’ finanzjament se tkun immexxija mill-Kunsill Malti għall-Arti u l-finanzjament għal din is-sena żdied b’45% meta mqabbel ma’ snin preċedenti u għax żdiedet issa tista’ tibbenefika kull festa ta’ kull raħal u belt, sew f’Malta u sew f’Għawdex. 

Din l-inizjattiva hi ispirata mir-rieda tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ u jinvesti fil-festi Maltin u Għawdxin li tant huma mfittxija mill-pubbliku u t-turisti li jżuruna. Il-mod ta’ kif ġiet strutturata l-iskema ta’ din is-sena, se tagħmilha possibbli li nerġa’ ngħid kull festa f’kull lokalità f’Malta u Għawdex tingħata għajnuna finanzjarja u b’hekk jinfirex kemm jista’ jkun l-appoġġ finanzjarju li din l-iskema trid twassal. 

Permezz ta’ dan l-investiment ġdid u msaħħaħ qed niżguraw li l-każini kollha tal-baned, il-kmamar kollha tan-nar li jaħdmu fuq bażi volontarja, u l-assoċjazzjonijiet kollha tal-armar tal-festi kollha jirċievu għajnuniet li jagħtuhom kuraġġ li jkomplu jevolvu u jikkontribwixxu għall-identità unika Maltija fil-komunitajiet tagħna.  

Aħna rridu li nsaħħu t-tessut soċjali u kulturali divers li għandna u rridu nippromovu l-parteċipazzjoni fil-komunitajiet, anke fejn jidħlu l-għeruq tradizzjonali u identitajiet lokali. 

Il-proġetti li jiksbu l-fondi jistgħu jirkupraw 100% tal-ispejjeż eleġibbli, bil-każini tal-baned intitolati sa massimu ta’ €8,000 għal kull proġett, waqt li l-kmamar tan-nar u l-assoċjazzjonijiet tal-armar tal-festi jistgħu jitolbu sa €5,000 f’fondi.   

Fost il-proġetti eleġibbli għall-każini tal-baned hemm dawk li jinvestu, fost oħrajn, fit-taħriġ u l-edukazzjoni tal-mużika, ir-restawr, l-investiment f’installazzjonijiet teknoloġiċi u l-kollaborazzjonijiet ma’ każini tal-baned oħra, fost oħrajn. Proġetti mill-assoċjazzjonijiet tal-armar tal-festi jistgħu jinkludu, fost oħrajn, kwalunkwe oġġett relatat mad-disinn u l-manifattura tat-tiżjin tal-festa bħal statwi, kif ukoll inizjattivi edukattivi u avvenimenti soċjokulturali. Il-kmamar tan-nar jistgħu jiksbu investiment, fost oħrajn, f’tagħmir u makkinarju tas-sigurtà, riżorsi edukattivi, infrastruttura, xogħlijiet ta’ restawr, u kollaborazzjonijiet ma’ kmamar tan-nar oħra lokali u Ewropej. 

It-tliet oqsma ta’ finanzjament se jkunu miftuħa darbtejn matul l-2024, bl-ewwel data ta’ skadenza tkun it-2 ta’ April 2024, filwaqt li t-tieni waħda tkun it-8 ta’ Ottubru 2024. 

Dan mhux biss, irrid infakkar li din is-sena xtrajna tliet propjetajiet oħra ta’ Soċjetajiet Mużikali li kienu f’riskju serju ta’ żgumbrament minħabba l-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995 biex b’hekk telgħu għal ħamsa l-propjetajiet ta’ Soċjetajiet Mużikali li ġew salvati, b’sitt propjetajiet oħra jinsabu fuq konvenju.  

It-tliet propjetajiet li xtrajna huma s-sede tal-Għaqda Mużikali Stella Levantina ta’ Ħ’Attard, is-sede taċ-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja tal-Kalkara, u s-sede tas-Soċjetà Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara permezz ta’ tliet kuntratti separati li ġew ippubblikati f’jiem differenti matul is-sena kurrenti. 

Irrid infakkar li s-sena li għaddiet għamilna l-akkwist tas-sede tas-Soċjetà Mużikali Antoine de Paule ta’ Raħal Ġdid u l-konsolidament tat-titlu tas-sede tas-Soċjetà Mużikali Stella Maris ta’ Tas-Sliema. 

B’kollox dawn il-propjetajiet kollha – jiġifieri l-ħamsa li xtrajna u s-sitta li qegħdin f’konvenju li jekk Alla jrid daqt jimmaturaw f’kuntratt finali – se jattiraw investiment totali ta’ 16-il miljun ewro, li hi somma sabiħa ta’ investiment fil-festi Maltin. Liema ċifra tista’ tiżdied jekk jirnexxilna nidħlu f’konvenju wieħed jew iktar għax-xiri ta’ iktar sede li jinsabu f’riskju ta’ żgumbrament. In-negozjati għaddejjin ġmielhom. 

M'aħniex se nieqfu mument naħdmu għat-tisħiħ tal-kultura f’pajjiżna, fid-diversi forom tagħha! 

More in Politika