Ivan Bartolo | ​F’Ġieħ il-ġustizzja soċjali

 Il-ġustizzja soċjali mhix frażi li titpoġġa fuq billboard biex nintgħoġbu mal-elettorat tagħna, imma impenn biex tinħoloq soċjetà ġusta għal kulħadd 

Għal titjib fil-ġustizzja soċjali hemm bżonn kollaborazzjoni sħiħa fuq kull livell. KULĦADD għandu jingħaqad u jisfrutta r-riżorsi kollettivi biex jimbotta favur din il-bidla. Bidla li fiha kulħadd iħossu komdu tant li jkompli jagħmel ħiltu biex jipperfezzjona soċjetà li fiha kulħadd jiġi trattat b’dinjità, b’rispett, u jserraħ rasu li ġustizzja tista’ ssir kemm miegħu u ma’ kulħadd.  

KULĦADD għandu jingħaqad wara mudell ekonomiku bbażat fuq il-pożizzjoni ċentrali. L-aġenda tagħna hi waħda; dik li l-bniedem ikun fil-paġna tan-nofs. Aġenda ċċentrata fuq il-bniedem. Fejn kulħadd ikollu opportunitajiet indaqs biex jirnexxi u li dan ikun ifisser li l-pass fid-direzzjoni t-tajba jkun li nkissru l-ostakli li jifirduna. Dan jista’ jseħħ biss f’komunikazzjoni sinċiera bejnietna u bla ebda aġenda moħbija. Forsi din hi ħolma tiegħi, imma jekk huwa hekk, nitlobkom toħolmu miegħi. Iva, jien noħlom li b’dawn il-ħsibijiet Malta tkun aktar b’saħħitha, umana, solidali u fuq kollox aktar reżiljenti. 

Il-ġustizzja soċjali mhux frażi li titpoġġa fuq billboard biex nintgħoġbu mal-elettorat tagħna, imma impenn biex tinħoloq soċjetà ġusta għal kulħadd. 

Fost affarijiet oħra, il-ġustizzja soċjali tinkorpora l-problema tal-faqar.   

Sfortunatament hemm min jilgħab bin-numri u mhux ikun leali mal-foqra. L-istampa uffiċjali tas-sitwazzjoni attwali skont l-Istatistika Ewropea dwar dħul u kundizzjonijiet tal-ħajja turi li mal-100,000 ruħ f’pajjiżna għandhom dħul annwali ta’ €10,893. Minkejja l-miżuri biex ikun miġġieled il-faqar, in-numru ta’ dawk f’riskju f’Malta baqa’ prattikament fl-istess livell. Issa meta wieħed iqis iż-żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja, ir-riskju tal-faqar f’dawn il-familji bla dubju jibqa’ jikber. Huwa fatt magħruf, li l-maġġoranza assoluta ta’ dawn il-ħaddiema qed jitħallsu bil-boqxiex, tant li qed iġib riperkussjonijiet kbar, fil-benesseri ta’ dawn il-familji.  

Ma nistax nitkellem u nikteb dwar faqar u ma nsemmix il-faqar f’postijiet fejn jgħixu l-barranin f’pajjiżna, li wħud minnhom ġew imqarrqa minn qabel daħlu f’pajjiżna. Trid tara b’għajnejk biex temmen l-appartamenti ffullati żżejjed, fejn xi wħud ikollhom jaqsmu l-kamra tagħhom ma’ ħaddieħor jekk mhux is-sodda ukoll. Donnu din saret il-prassi mal-pajjiż kollu, anki f’lokalitajiet li normalment mhumiex assoċjati mal-faqar. 

Niftakru ċar ftit tax-xhur ilu dak il-każ ta’ 40 ħaddiem barrani, li għal €250 fix-xahar kull wieħed jgħixu f’appartament. 

Għandi d-dubju tiegħi jekk dawn il-każijiet humiex inklużi fl-istatistiċi u l-istudji li aħna nirċievu minn żmien għall-ieħor. Għax din l-istess bħal dik is-sitwazzjoni li jsibu ruħhom fiha nies bla saqaf fuq rashom, li jiġru minn post għall-ieħor bħal nomadi, mingħajr indirizz. Bla dubju li lil dawn ir-riċerka ma taqbadhomx minħabba li huma bla indirizz.   

Ara ma naħsbux li l-awtoritajiet f’pajjiżna jafu b’kulma jiġri jew għandhomx xi stampa eżatta ta’ dak kollu li għaddej f’pajjiżna. Biex inkun ġust magħhom, naħseb li din hi xi ħaġa impossibbli f’kull żmien.  

Madanakollu nfaħħar ix-xogħol u l-integrità tal-NSO, li l-istatistika uffiċjali tirrifletti s-sitwazzjoni.  

Xogħolna hu li nieħdu rendikont tas-sitwazzjoni u fuq kollox niddeċiedu u nkunu l-vuċi ta’ min qed iġarrab dawn l-inġustizzji. Ma nkunux bħal dawk it-tliet xadini maġenb xulxin, liema xadina tagħlaq għajnejha biex ma tarax, l-oħra tagħlaq ħalqha biex ma titkellimx u l-oħra widnejha biex ma tismax.   

Bl-azzjonijiet individwali tiegħi u tiegħek u bl-isforzi kollettivi, aħna lkoll flimkien nistgħu nindirizzaw l-isfidi kollha li għandna u nippromovu soċjetà aktar ġusta. L-għan tagħna lkoll hija soċjetà ħajja li tippromovi l-ugwaljanza, l-inklussività u d-drittijiet tal-bniedem, li kulħadd jieħu dak li jistħoqqlu mingħajr favuri u preferenzi, fuq kollox li nagħrfu l-ħiliet ta’ dawk li għandhom, biex imexxu ’l quddiem f’pożizzjoni u responsabbiltà mistħoqqa, għal ġid komuni, għal ġid ta’ Malta u l-Maltin.  Isimhom għandu jgħaddi minn moħħ l-awtoritajiet konċernati. Din ukoll hija ġustizza soċjali li f’pajjiż progressiv m’għandhiex tibqa’ tfixkel din l-aġenda permezz tad-diskriminazzjoni.   

Ma nistgħux nagħlqu għajnejna quddiem inġustizzji li jtappnu s-sabiħ li ġa jeżisti f’socjetà bħalma hi dik tagħna. Nirreferi hawn għal diskriminazzjoni bbażata fuq razza, sess, reliġjon, orjentazzjoni sesswali, l-istatus soċjoekonomiku, passat familjari, jew anki timbru politiku partiġġjan. Dan kollu jfixkel u jaqta’ l-qlub. Dan kollu jfixkel il-potenzjal uman.   

Dak li se nagħmlu fil-ġimgħa li ġejja, mit-tim formidabbli li jien imdawwar bih u li ħadem immens biex iwassal il-messaġġ. Imma dan mhux biżżejjed, anki jekk kull attività li se nagħmlu hi fully booked.  Grati lejn is-segwaċi kollha tagħna li jirrispondu mill-ewwel għas-sejħiet tagħna. Iżda nibqgħu nifhmu li l-messaġġ li se nwasslu mhuwiex wieħed faċli. Imma xorta nibqgħu nagħmlu ħilitna biex dan il-messaġġ jasal f’kull rokna ta’ pajjiżna. Nibqgħu nemmnu f’dan il-messaġġ u li huwa wieħed neċessarju. Fasten your seatbelt għal dan il-vjaġġ mimli impenn, kuraġġ, u dedikazzjoni bla waqfien. Il-passi ċkejkna tagħna jistgħu jagħmlu d-differenza. Il-qatra tiegħi, tiegħek u ta’ oħrajn jistgħu jagħmlu oċean.  

Ejjew nibqgħu nisfidaw lil min jehda fl-inġustizzji, niddefendu l-ġustizzja soċjali, inħaddnu ħsibijiet ġusti u nkunu ambaxxaturi tas-sewwa. B’hekk Alla jgħinna.   

More in Politika