Unjoni Ewropea mħejjija għat-tranżizzjoni diġitali

L-Unjoni Ewropea ilha taħdem biex issir mexxejja fl-isfera diġitali, u għamlet passi sinifikanti f’din id-direzzjoni

L-Unjoni Ewropea ilha taħdem biex issir mexxejja fl-isfera diġitali, u għamlet passi sinifikanti f’din id-direzzjoni. Matul din il-leġiżlatura, tressqu diversi inizjattivi leġiżlattivi f’dan is-settur, fejn issa li qed nersqu lejn tmiem it-terminu, nistgħu nħarsu lura u nkunu kburin li rnexxielna nilleġiżlaw fl-era diġitali.

Il-punt tat-tluq kien qafas leġiżlattiv arkajku li ma kienx qed jirrifletti l-iżviluppi mgħaġġla li qed niffaċċjaw f’dan is-settur, u ma kienx iwieżen il-futur tad-dinja diġitali. F’dan ir-rigward, il-passi li ħadna fuq livell Ewropew biex nirrevedu u naġġornaw il-liġijiet eżistenti, u fl-istess ħin nintroduċu diversi oħrajn ġodda biex inlaħħqu maż-żminijiet li qed jinbidlu, huma kruċjali. 

L-Att dwar is-Servizzi diġitali huwa riforma waħda leġiżlattiva li qarrbet lill-Unjoni Ewropea lejn ir-realtajiet tal-lum. L-Att għandu l-għan li jirregola s-servizzi diġitali u jiżgura li dawn ikunu sikuri u trasparenti għall-utenti, filwaqt li joħloq kundizzjonijiet ekwi għall-fornituri kollha tas-servizzi diġitali, irrispettivament mid-daqs jew mill-post tagħhom.

Din hija leġiżlazzjoni importanti ħafna u li se jkollha effett fit-tul, anke għaliex matul in-negozjati, fittixna li nkunu miftuħa għal tibdil li jista’ jseħħ fis-settur fil-futur. Ninsab kburi li kont mexxejt il-pożizzjoni inizjali tal-Parlament Ewropew li stabbiliet il-qafas tat-test finali li ġie adottat, li fl-aħħar mill-aħħar se jkun qed jiżgura suq uniku għas-servizzi diġitali aktar b’saħħtu u protezzjoni mtejba għall-konsumaturi. Bħala parti mill-istess pakkett, is-sena l-oħra adottajna wkoll l-Att dwar is-swieq diġitali, u flimkien, dawn iż-żewġ biċċiet ta’ leġiżlazzjoni jimponu sett komuni ta’ rekwiżiti fuq il-pjattaformi diġitali madwar l-Unjoni li joħolqu ambjent online aktar sikur, ġust u trasparenti. 

Aktar infurzar tad-diġitalizzazzjoni tas-suq Uniku se jiġi permezz tal-Att dwar l-Intelliġenza artifiċjali li dwaru l-koleġiżlaturi laħqu ftehim proviżorju aktar kmieni din il-ġimgħa. Din il-leġiżlazzjoni avant-garde se toħloq il-kundizzjonijiet għall-iżvilupp u l-użu ta’ intelliġenza artifiċjali affidabbli u se tistabbilixxi proċessi armonizzati u sistematiċi li huma ċ-ċavetta għall-futur ta’ din it-teknoloġija.

Matul in-negozjati, sħaqt ħafna dwar il-ħtieġa li jkun hemm proċessi ċċentrati fuq il-bniedem u etiċi li jirrispettaw lill-utenti finali. Fl-aħħar mill-aħħar, minkejja li sibna ħafna kumpaniji li ddieħqu bina meta ridna nirregolaw is-settur, irnexxielna u llum għandna liġi b’saħħitha li se sservi ta’ mudell fuq livell internazzjonali. 

Wara kollox ma nistax ma nsemmix il-liġi taċ-ċarġer komuni Ewropew li tant kienet ilha mistennija. Din hija ħolma li rnexxieli nara ssir realtà wara ħafna sforzi u negozjati twal, inkluż ma’ kumpaniji ġganti tat-teknoloġija. Kburi li din il-liġi li rnexxieli nwassal se tkun ta’ ġid, kemm għall-konsumatur, kif ukoll għall-ambjent. 

Il-prinċipju tiegħi dejjem kien dak li għandna naraw li nieħdu vantaġġ minn dawn l-iżviluppi teknoloġiċi filwaqt li niżguraw is-sostenibbiltà u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Bħala Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi adottajna politika b’saħħitha ħafna fuq dan is-settur u b’mod attiv ħdimna biex naraw li l-Unjoni Ewropea ssir mexxejja f’dan il-qasam.

Il-Grupp kien favur approċċ aktar komprensiv għar-regolamentazzjoni diġitali, li jinkludi l-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini u l-promozzjoni tal-innovazzjoni, u dejjem sħaqna dwar il-bżonn ta’ inklussività, sostenibbiltà, u innovazzjoni, li huma kruċjali biex l-Unjoni jkollha vantaġġ kompetittiv u jippermettilha tkun minn ta’ quddiem fil-ħolqien ta’ ekosistema diġitali li tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd, mhux biss għal ftit kumpaniji kbar tat-teknoloġija. Is-settur diġitali jeħtieġ li jkun ambjentalment sostenibbli u kapaċi joħloq impjiegi u opportunitajiet għal kulħadd. Irridu niżguraw li ħadd ma jibqa’ lura f’din it-tranżizzjoni diġitali, u li kulħadd ikollu l-ħiliet meħtieġa biex jadatta. 

Il-potenzjal tal-Unjoni Ewropea f’dan is-settur huwa bla qies. Matul dawn l-aħħar erba’ snin għamilna passi ta’ ġgant fejn adattajna l-qafas regolatorju tagħna għar-realtajiet tad-dinja globalizzata u teknoloġika tal-lum. Però għad fadal ħafna xi jsir, u jekk bħala Unjoni rridu nkunu mexxejja globali f’dan il-qasam, irridu ninvestu aktar, noħolqu l-ambjent ideali biex il-kumpaniji tagħna jikbru u jinnovaw, u wara kollox, naħdmu aktar biex noħolqu suq uniku mingħajr ostakli u li verament jippermettilu jkun is-suq b’saħħtu, indipendenti u kompetittiv li tixraqlu l-Ewropa. 

More in Politika