Opinjoni| Tkattir ta’ opportunitajiet u karrieri bla preċedent fis-settur kreattiv

L-investiment fil-kultura jiżgura r-reżiljenza u jsawwar l-għaqda, li tikkontribwixxi għal soċjetà vibranti u stabbli, filwaqt li tippreparana għal sfidi tal-ġejjieni. Bis-saħħa tal-kultura nagħtu lill-poplu spazji miftuħa biex jitgawdew minn kulħadd

Żieda ta’ 13% f’sena waħda fin-numru ta’ professjonisti li jaħdmu fis-settur kreattiv u żieda ta’ €20 miljun fil-baġit għas-settur tal-kultura. 

Matul dawn l-aħħar għaxar snin, Malta esperjenzat żieda bla preċedent f’karrieri fis-settur kulturali u kreattiv, bl-ammont ta’ persuni li jaħdmu fis-setturi kreattivi rdoppjaw aktar min-nofs.  Meta wieħed iqabbel din is-sena mas-sena l-oħra jsib li din ix-xejra pożittiva kompliet tirranka hekk kif il-karrieri f’dan is-settur reġgħu żdiedu bi 13% f’sena waħda. 

Ċifri uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jiżvelaw li fl-2013 l-ammont ta’ individwi li jaħdmu f’dawn is-setturi kien ta’ 3,065, li żdied għal 6,290 fl-2022 u 7,187 sa Mejju 2023. Il-Ministru Bonnici spjega li din iż-żieda ta’ karrieri ma ġietx b’kumbinazzjoni iżda hija riżultat ta’ Gvern li jinvesti u jniedi inizjattivi li jkomplu jinċentivaw dan it-tkabbir.  

Il-budget għas-settur kulturali u kreattiv kompla jgawdi minn żieda fl-allokazzjoni finanzjarja għas-sena 2024, li se tiżdied b’€20 miljun. Dan jirrappreżenta wkoll żieda ta’ €81 miljun f’dan il-qasam mill-aħħar baġit taħt amministrazzjoni preċedenti. 

Din is-sena l-artisti bdew jibbenefikaw mill-implimentazzjoni ta’ rata ta’ taxxa mnaqqsa ta’ 7.5%.  

U dak li jkun isaqsi: fiex se jmorru l-€20 miljun żieda minn din is-sena għas-sena d-dieħla fis-settur tal-kultura, l-arti u l-ekonomija kreattiva? Iż-żieda msemmija bejn l-2023 u l-2024 hija prinċipalment dovuta għal dawn: €6.5 miljuni: xiri ta’ każini tal-banda li qegħdin f’riskju li jiġu żgumbrati minħabba liġijiet antiki tal-kera; €2 miljuni f’investiment kapitali għall-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta; il-vot tar-restawr tal-fortijiet żdied minn €2 miljuni għal €3.5 miljuni; €2.5 miljuni għal System Upgrade fil-PBS Ltd; Żieda ta’ kważi €600,000 f’investiment għal titjib ulterjuri fit-Teatru Manoel.

Il-Gvern jemmen li investiment fil-kultura u l-patrimonju tagħna huwa u jibqa’ imperattiv. B’hekk nissalvagwardjaw l-identità nazzjonali, u nippreservaw l-istorja u t-tradizzjonijiet għall-ġenerazzjonijiet futuri. L-investiment fil-kultura jiżgura r-reżiljenza u jsawwar l-għaqda, li tikkontribwixxi għal soċjetà vibranti u stabbli, filwaqt li tippreparana għal sfidi tal-ġejjieni. Bis-saħħa tal-kultura nagħtu lill-poplu spazji miftuħa biex jitgawdew minn kulħadd. 

Bħala parti mill-investiment tal-Gvern lejn il-professjonalizzazzjoni u l-ekonomija tas-setturi kulturali u kreattivi, permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti se jitniedu skemi ġodda fl-2024, li jinkludu l-Iskema tal-Apprendistat u l-Programm għall-Kooperazzjoni Reġjonali Kulturali. Se jitkompla l-immaniġġjar tax-xiri tal-każini tal-banda mibdija fl-2023, hekk kif il-Gvern jinsab fi stat avvanzat li jiffaċilita l-proċess u jiftiehem ma’ numru ieħor ta’ sidien ta’ propjetajiet, sabiex jissalvagwardja aktar baned.

L-aħħar xhur kienu impenjattivi għal Heritage Malta li matulhom tkompla x-xogħol ta’ restawr fil-Palazz tal-President. Il-proġett tar-restawr tal-palazz hu stmat li se jiswa aktar minn €30 miljun. L-ewwel fażi tal-proġett, li mistennija tiġi inawgurata fil-ġimgħat li ġejjin, hija kofinanzjata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, filwaqt li l-fażi suċċessiva, li se tiswa iktar minn €20 miljun, qed tkun iffinanzjata mill-Gvern. Kompla x-xogħol ta’ rinovar ta’ Villa Gwardamanġa, matul l-2023, filwaqt li għaddejjin fl-aqwa tagħhom it-tħejjijiet fuq il-maltabiennale.art, avveniment, li ser jittella’ bejn Marzu u Mejju 2024, taħt il-patrunaġġ tal-UNESCO.  

Għal darb’oħra l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, se tkun qed ittella’ l-Valletta Green Festival u l-Valletta Local Food Festival; festivals li kemm il-Maltin kif ukoll il-barranin ikunu qed jistennew bi ħġarhom. Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Valletta Design Cluster is-sena d-dieħla hija t-tnedija ta’ programm ta’ residenza ġdida għad-disinjaturi u r-riċerkaturi biex ikomplu jesploraw soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi urbani.  

Is-sena d-dieħla l-Public Broadcasting Services mistennija tkompli tinvesti fl-infrastruttura diġitali u l-programmi tagħha permezz ta’ diversi inizjattivi sabiex ix-xandir pubbliku jkompli jwettaq il-missjoni tiegħu, speċjalment fid-dawl tal-avvanzi fil-qasam tal-media soċjali u l-pjattaformi diġitali. Bl-allokazzjoni li l-Gvern ikkommetta għall-PBS, il-kumpanija ser tinvesti f’iktar tagħmir u faċilitajiet. 

L-aġenzija Festivals Malta se tkompli tikkonsolida u tmexxi l-ħidma tagħha fuq 11-il Festival tagħha: il-Valletta Baroque Festival, il-Karnival ta’ Malta, il-Festival Mużika Mużika, Ritmu, il-Jazz Festival, u oħrajn. Festivals Malta se tressaq l-applikazzjoni tagħha għall-finanzjament permezz ta’ Fondi Ewropej sabiex wara proċess ta’ preparazzjoni u pjanar issa jkun jista’ jibda x-xogħol fuq il-proġett tal-Culture and Arts Complex fil-Marsa; li se jinkludi, spazji u faċilitajiet lil diversi art genres, inkluż għall-kumpaniji tal-karnival u spazju għall-produzzjonijiet artistiċi u mużikali. 

It-Teatru Manoel ser ikun qiegħed jibda x-xogħol ta’ restawr fuq il-kumpless tat-teatru minn naħa ta’ Triq it-Teatru l-Antik għal Triq Żekka. Fl-ewwel kwart tal-2024 se jsir xogħol estensiv fuq id-dressing rooms ta’ wara l-palk prinċipali, kif ukoll fuq apparat tal-palk tat-teatru nazzjonali. Fost ix-xogħol estensiv, se tkun qed tissaħħaħ is-sistema tad-dwal u l-faċilitajiet teatrali u artistiċi.  

Is-sena 2024 se tkun importanti għal MICAS għax f’din s-sena se jsir l-inawgurazzjoni tal-gallariji tal-ispazju tagħha. Medda ta’ 4000m², imqassma fuq erba’ livelli, se tingħata lura lill-familji. Dan l-investiment hu kofinanzjat mill-fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Waqt l-inawgurazzjoni, l-ispazju se jinfetaħ għall-pubbliku, filwaqt li se jiġi żvelat xogħol artistiku ta’ artista kontemporanja rinomata. 

Dak li jirrigwarda d-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, ix-xogħol ta’ restawr li twettaq s’issa jitqies bħala garanzija ta’ ħafna iktar proġetti fis-snin li ġejjin. Fl-2024, id-Dipartiment se jkompli jaħdem fuq restawr fl-akkwati tal-Linji tal-Kottonera u ta’ Santa Margherita u għandu wkoll jingħata bidu għar-restawr tal-Batterija ta’ Vendomme f’Marsaxlokk. Fir-restawr tal-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt se naraw investiment ta’ iktar minn miljun ewro u se nagħmlu restawr fuq il-faċċata prinċipali tal-Parroċċa tat-Trinità fil-Marsa u fuq il-faċċata ta’ wara tal-Parroċċa taż-Żejtun.  

Se nkomplu nagħtu l-massimu tagħna għat-tisħiħ tal-ekosistema kulturali ta’ pajjiżna. 

More in Politika