L-ipokrezija bla limiti tal-PN fil-Parlament Ewropew

Alex Agius Saliba jgħid li għal darb’oħra, din il-ġimgħa reġgħet ġiet imbuttata reżoluzzjoni mimlija nofs veritajiet u ntiża biss biex tħammeġ isem pajjiżna mill-Grupp tal-Popolari

Din il-ġimgħa kellna episodju li nissel tbissima fuq fomm ħafna nies meta ġie rrappurtat fil-gazzetti Ewropej, hekk kif il-ferrovija li kienet suppost qed iġġorr lilna l-Membri Parlamentari Ewropej lejn Strasburgu għas-sessjoni plenarja, minflok spiċċat fl-istazzjon tal-Park Disneyland. Koinċidenza f’waqtha ngħid jien, meta għandek l-Ewro-Parlamentari Nazzjonalisti u sħabhom fil-Grupp tal-Popolari li ġabu l-Parlament Ewropew kummiedja u istituzzjoni tal-fantażija u t-teatrini.  

L-iskop tagħhom huwa biss li jużaw il-Parlament biex jitfgħu dell ikrah fuq pajjiżna. Għal darb’oħra, din il-ġimgħa reġgħet ġiet imbuttata reżoluzzjoni mimlija nofs veritajiet u ntiża biss biex tħammeġ isem pajjiżna mill-Grupp tal-Popolari, reżoluzzjoni li biha qed ikomplu jinħbew wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia biex jibqgħu jattakkaw lil pajjiżna għax hemm Gvern Laburista fit-tmexxija. Li kieku kienet reżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt u dwar il-bżonn li nsaħħu l-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-ħarsien tal-istampa ħielsa kont inkun minn ta’ quddiem li nagħti l-appoġġ tiegħi, però li jkollna reżoluzzjoni oħra immirata speċifikament fuq pajjiżna, mimlija attakki insensati u bl-istess kantaliena qarrieqa tas-soltu, dik ma naċċettahiex. 

Din ir-reżoluzzjoni kienet biss konferma oħra kemm għall-Partit Nazzjonalista u l-Grupp tal-Popolari, mhux veru li l-intenzjoni hi li jitkellmu favur il-protezzjoni ġurnalistika u s-saltna tad-dritt, iżda f’moħħhom għandhom biss tir wieħed, li jattakkaw lil Malta minħabba li għandna Gvern Soċjalista. Lesti jibqgħu jkunu ipokriti u jqarrqu bin-nies għal finijiet politiċi, lesti li jagħlqu għajnejhom għall-bosta episodji li jmorru kontra l-prinċipji tas-saltna tad-dritt b’mod lampanti f’pajjiżi fejn hemm Gvernijiet li jifformaw parti mill-Grupp tagħhom, u dan mhux qed ngħidu jien biss. Kien hemm bosta interventi waqt is-sessjoni Plenarja fejn fakkru dak kollu li qed jiġri u ġara f’pajjiżi oħra bħall-Greċja u l-Bulgarija li baqgħu jkunu protetti għax hemm Gvern affiljat mal-Grupp tal-Popolari. 

Agħar minn hekk, waqt id-diskors tiegħu l-Ewro-Parlamentari David Casa kellu l-ardir jattakka wkoll lill-Kummissjoni Ewropea għaliex ma ħaditx azzjoni kontra Malta, bħal donnu ma semax lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Jourova li tkellmet eżatt qablu tgħid ċar li tapprezza l-kooperazzjoni sinċiera li hemm min-naħa tal-Gvern u l-awtoritajiet Maltin u li saru ħafna riformi u progress f’dan is-settur u għad baqa’ aktar diskussjonijiet u xogħol xi jsir flimkien. U allura l-fatti jitkellmu waħedhom. Kull demokrazija għandha ħafna sfidi quddiemha, u huwa fatt rikonoxxut li kull Stat Membru għad għandu ħafna xogħol x’jagħmel biex isaħħaħ is-saltna tad-dritt. Li jkollok reżoluzzjoni wara oħra, riċiklata b’allegazzjonijiet u nofs veritajiet, u li tipprova tati stampa ta’ realta’ li ma teżistix f’pajjiżna, hija mera tal-politika moqżieża li l-Grupp tal-Popolari u l-Partit Nazzjonalista għadhom jemmnu fiha. 

Jekk ma tridx, f’din ir-reżoluzzjoni li David Casa u sħabu nnegozjaw u tant imbuttaw biex tkun fuq l-aġenda, u fl-aħħar mill-aħħar ivvutaw favuriha, tikkundanna lill-Gvern Malti għaliex ma ntroduċiex l-abbort f’pajjiżna u tgħid li ma sarx biżżejjed biex jingħata dan id-dritt lil kull mara f’Malta u Għawdex. Iktar minn hekk tgħid li l-abbort għandu jkun dritt fundamentali f’pajjiżna. Il-mistoqsija li tiġi b’mod naturali allura hija dwar il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq din il-kwistjoni, għaliex b’mod ipokritu, ġewwa pajjiżna narawhom jitkellmu kontra l-abbort u mbagħad fil-Parlament Ewropew jgħidu u jagħmlu mod ieħor.  

Il-Malti jgħid lil min tafu tistaqsix għalih, u allura m’hemmx dubju dwar l-ipokrezija u l-istandards politiċi baxxi tal-Partit Nazzjonalista. Dan huwa partit maħkum mir-rabja u l-mibgħeda lejn pajjiżu, karatteristiċi li bla dubju jibqgħu ikexkxu lil kull min għandu għal qalbu l-ġid komuni u l-interessi ta’ Malta u Għawdex tagħna. Is-saltna tad-dritt nibqgħu niġġieldu għaliha, mhux bl-ipokrezija, imma bil-fatti u bir-riformi li ta’ kuljum qed jibqa’ jixpruna dan il-Gvern. 

More in Politika