Malta: Il-Qalb tħabbat tal-Mediterran

Alex Agius Saliba qal li pajjiżna jeħtieġ li jkun protagonist fit-tfassil tal-politika Ewropea sabiex pajjiżna verament ikun minn ta' quddiem, fosthom bil-parteċipazzjoni tiegħu fil-MED9

Pajjiżna huwa l-qalb tħabbat tal-Mediterran, il-pont li jgħaqqad lill-kontinent Ewropew mal-kontinent Afrikan u għaldaqstant pajjiżna jeħtieġ li jkun protagonist fit-tfassil tal-politika Ewropea u jirsisti biex ir-realtajiet li għandu l-Mediterran ikunu meqjusa fit-teħid tad-deċiżjonijiet kollettivi. Matul din is-sena, pajjiżna ospita lill-Grupp magħruf bħala l-MED9, grupp ta’ disa’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li jinsabu fin-Nofsinhar tal-kontinent Ewropew u fir-reġjun tal-Mediterran. Dan il-grupp huwa ċentrali fuq livell Ewropew u l-attiviżmu u l-proattività ta’ pajjiżna biex jissaħħaħ il-grupp, iżda b’mod speċjali biex tkompli tiġi kkonsolidata l-perspettiva Mediterranja, hija xhieda tal-viżjoni u l-politika barranija b’saħħitha li għandu l-Gvern Malti.

Nhar il-Ġimgħa, il-Prim Ministru Robert Abela laqqa’ lill-mexxejja ta’ dawn il-pajjiżi flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, u kif ukoll il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, biex jiddiskutu għadd ta’ temi importanti li ser ikomplu jkunu kruċjali fix-xhur u fis-snin li ġejjin. Is-suċċess ta’ dan is-summit huwa evidenti f’dikjarazzjoni ta’ għaxar punti li ġiet maqbula bejn il-mexxejja, punti li jkopru sfidi bħall-migrazzjoni, is-sigurtà, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, il-viċinat tan-Nofsinhar, l-aggressjoni fl-Ukrajna u realtajiet ġeopolitiċi oħrajn, l-iżvilupp soċjali, is-suq intern tal-UE, il-kummerċ u l-kompetittività, u kif ukoll it-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-Grupp innifsu.

Din id-dikjarazzjoni u l-ħidma kbira li saret mill-Gvern f’dan ir-rigward tixhed kemm pajjiżna verament qiegħed ikun minn ta’ quddiem biex mhux biss isemma’ leħnu u jipproteġi l-interessi taċ-ċittadini u n-negozji tiegħu, iżda hija wkoll turija tal-irwol importanti li qed jilgħab pajjiżna fuq livell Ewropew u anke fuq livell internazzjonali permezz tad-djalogu li qed iwassal għal konverġenza politika bejn għadd ta’ pajjiżi, li f’dan il-każ jammontaw għal terz tal-Unjoni Ewropea u jirrappreżentaw aktar minn 45% tal-popolazzjoni tal-blokk. Ma ninsewx ukoll kif f’dawn l-aħħar jiem il-Gvern Malti laqqa’ lill-Amministrazzjoni tal-President Amerikan Biden u lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ċiniż biex jiddiskutu r-relazzjonijiet ta’ bejniethom, li huwa wkoll żvilupp importanti immens fil-politika internazzjonali.

M’għandniex xi ngħidu, din il-ħidma kbira li qiegħed iwettaq il-Gvern tikkuntrasta bil-kbir mal-isforzi negattivi tal-Partit Nazzjonalista. Fl-istess waqt li l-President von der Leyen kienet fi triqitha lejn pajjiżha sabiex tipparteċipa f’dawn id-diskussjonijiet u tinawgura proġett ta’ skola modernizzata li minnha ser igawdu t-tfal fin-Nadur Għawdex, il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista David Casa bagħat ittra lill-Kummissjoni Ewropea, fejn talab li jiġi skattat mekkaniżmu li bih pajjiżna jitlef il-fondi Ewropej li tant huma kruċjali għall-iżvilupp kontinwu fuq livell soċjali u ekonomiku, u fuq kollox li qed jgħinu sabiex pajjiżna jagħmel it-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika li tant hija meħtieġa. Huwa impressjonanti l-mod maħmuġ li bih il-Partit Nazzjonalista qiegħed kontinwament jibqa’ jipprova jkisser lil pajjiżna. L-iskop aħħari tagħhom huwa biss li jxekklu l-progress u jġibu t-tbatija f’pajjiżna, minflok jaħdmu id f’id mal-Gvern biex ikompli jsir il-ġid.

Bla dubju, in-nies taf tagħraf u tagħmel il-paraguni – fuq naħa għandek lill-Prim Ministru Robert Abela mimli enerġija u determinazzjoni biex jagħmel il-ġid u jgħolli isem pajjiżna, u fuq in-naħa l-oħra għandek Partit Nazzjonalista bla boxxla, mitluf f’dagħdija ta’ għira, u ħsiebu biss biex ikisser l-iżvilupp u l-progress, għax mingħalih li b’hekk ser jirbaħ is-simpatija tan-nies. Fis-siegħa tal-prova, dawn l-affarijiet ma jintesewx. In-nies trid tmexxija li tħobb lil pajjiżha bil-provi u dejjem, mhux meta jaqblilha biss.

More in Politika