Carmel Cacopardo | Inħarsu l-ambjent bil-Kostituzzjoni

Il-ħarsien ambjentali fil-Kostituzzjoni fil-fehma tiegħi għandu jfisser li l-bniedem jirrispetta l-eko-sistema, li tagħha, aħna niffurmaw parti, flimkien mal-pjanti u l-annimali l-oħra. Għandu jfisser ukoll il-ħarsien tal-bijodiversita, kemm tal-fawna kif ukoll tal-flora, fil-kuntest naturali tagħhom.

Fi żmien għaxar xhur, tkun intemmet il-Presidenza ta’ George Vella. L-entużjażmu tiegħu għall-Konvenzjoni Kostituzzjonali, s’issa, ma wassal għall-ebda riżultat konkret magħruf. Bla dubju, l-Covid-19 ma kienx ta’ għajnuna. 

Id-dibattitu dwar il-ħarsien ambjentali permezz tal-Kostituzzjoni hu tajjeb. Dan jista’ jwassal biex inaqqas jew saħansitra jelimina d-diskrezzjoni tal-Gvern dwar meta jaġixxi f’dan il-qasam. Ifisser ukoll l-għarfien li m’għandniex fiduċja li l-eżekuttiv jista’ jeżerċità diskrezzjoni b’mod raġjonevoli, u dan għax sal-lum, ftit li xejn aġixxa b’mod raġjonevoli fir-responsabbiltajiet ambjentali tiegħu. 

Il-Kostituzzjoni tagħna, fit-tieni kapitlu tagħha fiha diversi dikjarazzjonijiet li permezz tagħhom huma stabiliti diversi miri bażiċi tal-Gvern fosthom dawk ambjentali. Il-miri ambjentali kienu msaħħa riċentement permezz ta’ emenda kostituzzjonali ppreżentata minn José Herrera, dakinhar Ministru għall-Ambjent. Huma fundamentali għat-tmexxija tal-pajjiż, iżda ma tistax tmur il-Qorti, jekk il-Gvern jonqos milli jimplimenthom. Fil-prattika dan ifisser li dak li tgħid il-Kostituzzjoni dwar l-ambjent ma jiswa’ xejn.  Hu meħtieġ li l-iktar kmieni possibli, s-sitwazzjoni tinbidel kif repetutament emfasizza ADPD kemm fid-diversi manifesti elettorali kif ukoll fis-sottomissjonijiet li ippreżentajna quddiem il-Konvenzjoni Kostituzzjonali li tidher li hi ġġammjata. 

Il-PN issa qed jipproponi li l-ambjent għandu jkun meqjus bħala dritt uman fil-kostituzzjoni. Ma nafx x’iridu jgħidu biha din. Naħseb li qed jużaw il-kliem żbaljat għax l-ambjent ma jistax ikun dritt uman. Li probabbilment iridu jgħidu hu li l-aċċess għal ambjent protett għandu jkun garantit bħala dritt uman.  Din hi mira diffiċli għax tfisser, fost oħrajn, li l-PN ikunlu meħtieġ li jibdel il-posizzjoni tiegħu fuq diversi materji biex ikun kredibbli: fuq quddiem nett nistenna li jibdel il-posizzjoni tiegħu dwar il-pjan ta’ razzjonalizzazzjoni tal-2006, anke għall-konsistenza. Ikollna nistennew biex naraw kif ser jiżviluppaw l-argument. 

Il-ħarsien ambjentali fil-Kostituzzjoni fil-fehma tiegħi għandu jfisser li l-bniedem jirrispetta l-eko-sistema, li tagħha, aħna niffurmaw parti, flimkien mal-pjanti u l-annimali l-oħra. Għandu jfisser ukoll il-ħarsien tal-bijodiversita, kemm tal-fawna kif ukoll tal-flora, fil-kuntest naturali tagħhom. Ifisser ukoll il-ħarsien tal-ilma tal-pjan li m’għandux jitqies bħala propjetà privata. Ifisser ukoll l-għarfien ikbar tal-valur nazzjonali tal-wirt storiku. 

Sfortunatament, il-Kostituzzjoni, filwaqt li tagħraf b’mod dettaljat il-ħtieġa tal-ħarsien tal-propjetà privata tonqos milli tirrikonoxxi s-sinifikat u l-valur intrinsiku tal-eko-sistema, li niffurmaw parti minnha u li hi tagħna lkoll. 

Referenza għall-ambjent naturali fil-Kostituzzjoni għandha tkun waħda ekoċentrika u mhux antropoċentrika. Dan ifisser li meta tikkonsidra l-ambjent naturali l-Kostituzzjoni jeħtieġ li tqis il-ħarsien u d-drittijiet tan-natura u l-wirt naturali u mhux drittijiet umani. Huwa essenzjali li nibdew naħsbu bis-serjetà dwar id-drittijiet tan-natura u kif dawn jintrabtu mal-ġenerazzjonijiet futuri li ukoll għandhom dritt li jkollhom arja nadifa biex jieħdu n-nifs, ilma mhux imniġġes u l-possibilità li jgawdu n-natura fl-aspetti kollha tagħha.  Dan hu l-wirt komuni tagħna lkoll u għandna nieħdu ħsiebu. 

Ir-referenzi ambjentali fil-Kostituzzjoni tagħna għandhom jassiguraw li wara snin ta’ prietki dwar is-sostenibilità, nistgħu, forsi, nittraduċu dak li nemmnu fih f’għodda legali biex il-Gvernijiet ikunu obbligati li jimplimentaw politika sostenibbli. 

Kif inhuma l-affarijiet, illum, il-Kostituzzjoni tipprovdi linji gwida meta titħadded dwar materji ambjentali. Dan, iżda, irriżulta li mhux biżżejjed għax l-ebda wieħed mill-Gvernijiet Maltin mill-1964 sal-lum ma mexa ma’ din il-gwida kostituzzjonali. 

Jekk għandna nitgħallmu xi ħaġa mit-taħwd li aħna mdawwri bih hi li t-triq il-quddiem hi li jkollna l-miri ambjentali miktubin b’mod ċar u li dawn jorbtu jdejn il-Gvernijiet. 

Li nħaddru l-kostituzzjoni għandu jkun l-ewwel pass fit-triq tal-kisba tal-ordni ambjentali. Fl-aħħar, imma, għandhom ikunu l-Qrati li għandhom ikollhom is-setgħa li jiġbdu widnejn il-Gvern meta dan jonqos milli jagħmel dmiru. 

More in Politika