Il-PL fdat iktar fuq l-għoli tal-ħajja imma mhux daqshekk fuq l-ambjent

Imma fuq it-traffiku, l-ambjent, u ż-żieda fil-popolazzjoni, il-partiti huma kważi ras imb ras. Madankollu, il-PN ma jirnexxilux jirbaħ lill-PL anki fl-iktar kwistjonijiet diffiċli għall-PL. 

Fuq traffiku u ambjent, il-partiti politiċi qegħdin viċin xulxin, fost dawk li se jivvutaw u mhux se jivvutaw
Fuq traffiku u ambjent, il-partiti politiċi qegħdin viċin xulxin, fost dawk li se jivvutaw u mhux se jivvutaw

Skont l-aħħar survey tal-gazzetta oħt MaltaToday, il-Partit Laburista hu iktar fdat mill-PN biex jindirizza l-ikbar problemi u sfidi li qed jaffaċċja l-pajjiż. 

Imma waqt li l-PL igawdi vantaġġ kbir ta’ 17-il punt perċentwali fuq il-PN fil-qasam tal-għoli tal-ħajja, il-vantaġġ tiegħu fuq temi bħall-ambjent, it-traffiku u t-tkabbir tal-popolazzjoni huwa ta’ punt jew żewġ punti perċentwali. 

Il-problemi u l-isfidi inklużi fl-istħarrig kienu l-iktar erba’ li ssemmew f’sondaġġ li kien sar f’Ottubru, li fih, l-ikbar żewġ problemi msemmija kienu t-tkabbir tal-popolazzjoni u t-traffiku, segwiti mill-għoli tal-ħajja u l-ambjent/kostruzzjoni. 
L-istħarriġ li sar wara l-baġit juri wkoll li l-PL hu ferm iktar fdat mill-PN (b’vantaġġ ta’ 29 punt) fil-ġestjoni tal-finanzi tal-pajjiż. 

It-tkabbir tal-popolazzjoni 

39% tal-parteċipanti m’għandhom fiduċja f’ħadd biex jindirizzaw l-isfida tat-tkabbir tal-popolazzjoni. F’dan il-qasam, il-PL u l-PN jinsabu kważi ras imb ras b’differenza ta’ inqas minn punt perċentwali bejniethom. L-inqas li għandhom fiduċja fil-partiti fir-rigward ta’ dan il-qasam huma dawk bejn 36 u 50 sena, kif ukoll fost dawk b’livell ta’ edukazzjoni ogħla u l-votanti li ma jivvutawx. 

It-traffiku 

Fuq it-traffiku, il-PL jiggwida biss b’2 punti perċentwali fuq il-PN. Madankollu, 40.7% tal-pubbliku m’għandu fiduċja f’ħadd biex tiġi indirizzata din il-problema. L-isfiduċja hi l-ikbar fost dawk ta’ bejn 36–50 sena u fost l-edukati għoljin. Fost dawk li beħsiebhom ma jivvutawx, 77.5% ma jafdaw lil ħadd, imma waqt li 15% jafdaw lill-PL, huma biss 6% li jafdaw lill-PN. 

L-għoli tal-ħajja 

Fil-qasam tal-inflazzjoni, li hu marbut mal-livell tal-għejxien tal-poplu, il-PL jibqa’ l-partit l-aktar fdat. 38.5% tal-poplu għandu fiduċja fil-PL, 21% jafda lill-PN, u 38% tal-poplu m’għandu fiduċja f’ħadd. 

F’dan il-qasam il-PL qed jikseb l-ogħla fiduċja fost dawk li għandhom aktar minn 65 sena (46%). Interessanti l-fatt li 8% ta’ dawk li beħsiebhom jivvutaw PN jafdaw iktar lill-PL f’dan il-qasam. U fost dawk li beħsiebhom ma jivvutawx, 5% jafdaw lill-PN, waqt li 18% jafdaw lill-PL. Il-bqija (76%) ma jafdaw lil ħadd. 

L-ambjent 

Fuq l-ambjent, il-PL u l-PN qegħdin ras imb ras, bil-PL ftit fuq quddiem. 41% tal-parteċipanti ma jafdawx lill-partiti l-kbar. Dawn jinkludu 6%, li f’dan il-qasam jafdaw lill-partiti ż-żgħar bħall-ADPD u Momentum, waqt li 35% ma jafdaw lil ħadd. 

Fost dawk b’edukazzjoni terzjarja, dawk li jafdaw lill-partiti ż-żgħar jiżdiedu għal 9%. 

Il-finanzi pubbliċi 

Huwa fil-qasam tal-finanzi pubbliċi li l-PL igawdi l-ogħla grad ta’ fiduċja (50%) u l-ikbar vantaġġ fuq il-PN (29 punt). 

Anke fost dawk li beħsiebhom jivvutaw lill-PN, 15% jesprimu fiduċja fil-PL f’dan il-qasam. Dan jindika li l-fiduċja f’dan il-qasam ma tfissirx neċessarjament appoġġ elettorali. 

Madankollu, in-nuqqas ta’ fiduċja fil-PN f’dan il-qasam kruċjali jista’ jservi ta’ ostaklu biex dan il-partit javvanza fost dawk li llum beħsiebhom ma jivvutawx. Fost dawn, insibu biss 1.2% li jafdaw lill-PN waqt li 31% jafdaw lill-PL. 

Fil-qosor, is-survey juri li l-PL għandu vantaġġ kbir f’dak li għandu x’jaqsam mal-bread and butter issues u l-andament ekonomiku tal-pajjiż, iżda qed jaffaċċja nuqqas ta’ fiduċja dwar il-mod kif qed jilqa’ għall-isfidi maħluqa mill-mudell ekonomiku li ħoloq. Iżda minkejja dan, il-PN xorta jgawdi inqas fiduċja mill-PL f’dawn l-oqsma. 

More in Politika