Id-deċiżjoni tal-arbitraġġ dwar Stewards rebħa għall-gvern?
Robert Abela annulla l-kuntratt wara stejjer kbar dwar Stewards u wara l-kawża li fetaħ Adrian Delia
Kien Adrian Delia mill-Oppożizzjoni Fl-2018 li nieda kawża biex il-kuntratt ta’ Steward jiġi annullat u l-isptarijiet li kienu f’idejn Steward jingħataw lura lill-Gvern Malti
Id-deċiżjoni tal-Arbitraġġ Internazzjonali fil-każ tal-ftehim ta’ Stewards u l-Gvern Malti mhix il-vittorja li qed ipinġi l-Gvern Laburista, u ma jnaqqas xejn mill-fatt li l-kuntratt li sar originarjament ma’ Vitals, irrappreżentat minn investituri falluti u fażulli, u wara mal-kumpanija Amerikana Steward, kien pastażata u skandaluż. Wisq aktar li l-Gvern naqas milli jara li Stewards jimplimentaw dak li kienu kommessi li jagħmlu, inkluż il-bini ta’ sptarijiet.
Il-każ tal-Vitals wassal biex għexieren ta’ nies kienu investigati f’inkjesta maġisterjali mmexxija minn Gabriella Vella, li fl-aħħar wassal biex l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-Eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne, l-Eks Kap tas-Segretarjat Keith Schembri, l-Eks Ministru tal-Finanzi Scicluna, u bosta awdituri u avukati u kapijiet taċ-ċivil jitressqu fuq korruzzjoni u akkużi oħra serji. Inkjesta li hija kkritikata minn bosta minn dawk li tressqu għax jargumentaw li huma spiċċaw mressqa wara pressjoni fuq l-Avukat Ġenerali biex ma jidhrux biss il-politiċi bħal Joseph Muscat. Infatti dawn il-persuni tressqu qabel l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, fejn il-Gvern Laburista spiċċa b’distakk ta’ 8,000 vot.
Fil-geġwiġija ta informazzjoni ħadd ma qed jgħid li kieku ma kienx għall-intervent fil-Qorti tal-Eks Deputat Nazzjonalista u Eks Kap Adrian Delia biex jannulla l-kuntratt, kieku l-Gvern kien aktarx jibqa’ għaddej romblu. U kieku ma kinitx il-gazzetta MaltaToday li kixfet il-ftehim skandaluż ta’ mitt miljun multa li kienet tgħid li anke jekk il-Qorti Maltija tiddeċiedi kontra l-kuntratt, il-Gvern Malti jkollu jħallas 100 miljun. Bidla fil-kuntratt li saret mill-Eks Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi wara li Delia kien beda l-każ.
Fil-kitba estensiva ta’ Steward hija ċara li l-Gvern Malti kien qed jargumenta biex Steward iħallas lura l-400 miljun. Fuq dan l-arbitraġġ ma aċċettax l-argument li ġab il-Gvern Laburista. Fl-istess ħin l-arbitraġġ jgħid li l-ammont li ngħata lil Stewards kien ġustifikat u realistikament kien inqas milli kieku dan is-servizz ingħata minn Mater Dei.
Fis-smigħ, l-arbitraġġ ma bagħatx għal Chris Fearne u Konrad Mizzi li kienu Ministri tas-Saħħa, jew Armin Ernst li kien Kap Eżekuttiv.
Li huwa ċar hu li matul is-servizz ta’ Stewards l-affarijiet li kellhom jagħmlu Stewards fosthom xogħol fl-isptarijiet, m’għamlu xejn minn dan. Dan konna nafuh. Imma agħar minn hekk, il-Gvern naqas li jara jekk il-kontijiet li kien qed jibgħat Stewards kinux ġustifikati jew le.
Fi ftit kliem meta tinkiteb l-istorja, se jkun hemm rikonoxximent li l-Gvern ta’ Robert Abela waqqaf il-kuntratt ftit wara li sar Prim Ministru, imma għamel dan biss wara l-kawża ta’ Adrian Delia u wara li Stewards u Vitals fallew f’dak li kienu inkarigati li jagħmlu. U l-istorja wkoll se tkompli tistaqsi għalfejn Joseph Muscat, Konrad Mizzi, u Keith Schembri rnexxielhom jagħmlu ftehim skandaluż bħal dan, l-ewwel ma’ grupp ta’ investituri bla flus u mbagħad ma’ kumpanija li kienet dubjuża u fażulla bħal Stewards mingħajr ħadd ma induna.
U l-istorja se titkellem ukoll dwar l-intriċċi b’mod speċjali ta’ Keith Schembri li jfassal u jagħmel maniġġi biex jintrebħu tenders minn Stewards bi flus il-poplu.
