Ir-reazzjoni għal fatt storiku ta’ 52 sena ilu

Din hija gazzetta xellugija u indipendenti, u mhux se nieħdu lezzjonijiet minn l-ebda stazzjon politiku, la l-One u lanqas in-Net.   

Meta l-ġimgħa l-oħra ktibna f’dan l-editorjal dwar il-każ tan-National Bank, akkumpanjat minn cartoon satiriku bil-Perit Mintoff qisu karattru fuq l-oqbra fosthom tan-National Bank, kien hemm reazzjoni minn ċerti kwartieri.  

Dan l-episodju tan-National Bank seħħ 52 sena ilu. Ilu aktar minn nofs ta’ seklu. U minkejja li l-fatti jitkellmu waħedhom — li n-National Bank ittieħed minn Mintoff b’mod illegali u abbużiv, il-mezzi tax-xandir ta’ One News attakkaw dan il-cartoon bħallikieku waqgħet id-dinja. Attakk xprunat mill-editur ta’ dan l-istazzjon politiku li jiddiletta f’attakki personali. 

Din hija gazzetta xellugija u indipendenti, u mhux se nieħdu lezzjonijiet minn l-ebda stazzjon politiku, la l-One u lanqas in-Net.   

Li forsi nesa l-editur tal-One Josef Caruana, l-attakki insensati fuq il-Perit Mintoff meta fl-1998 affronta l-Prim Ministru Laburista ta’ dak iż-żmien Alfred Sant. Nesa kemm tnejku bih u kemm litteralment irredikolawh. Imma dakinhar ma kienx jimporta. 

L-ikbar problema li għandu dan il-pajjiż fost oħrajn hi li m’għandniex storja miktuba ta’ Malta moderna. Kulħadd jgħid l-istorja tiegħu. Ħadd ma jista’ jsib referenza tajba biex nifhmu l-fatti vera.   

Mela le, dażgur li Mintoff għamel affarijiet tajbin … imma għamel affarijiet ħżiena u ħżiena ħafna; it-tolleranza tiegħu għall-vjolenza, il-korruzzjoni, il-politika internazzjonali, u l-mod kif xerred politika ta’ aħna u intom. Ma jfissirx għax ngħiduh dan qed naġevolaw lin-Nazzjonalisti. Qed ngħidu l-affarijiet kif inhuma. 

Dan huwa mument partikolari għall-Partit Laburista. Minn fejn qegħdin aħna naraw partit ta’ aħna u huma, partit taħt assedju, u fi stat ta’ paniku.  

Aktar u aktar il-mezzi tiegħu, l-istazzjon One li wara li jkun hemm deċiżjoni li jżommu lill-Eks Mexxej Joseph Muscat (li għaddej proċeduri kriminali) fis-Siberija … jagħżlu li jistidnuh fuq l-istazzjon imbagħad wara li jgħid li għandu jgħid jiddejqu meta jistqarr ċerti affarijiet li ma jdoqqux għal widnejhom. 

Jista’ jkun tard wisq, jista’ ma jkunx tard wisq, imma li hu ċert hu dan. Il-PL jekk irid jirbaħ l-elezzjoni jrid jibda jdoqq diska differenti, diska li tkun qed taħseb fil-klassi tan-nofs, il-middle ground mhux l-hekk imsejjaħ hard core.  

Imma meta nħarsu lejn ċerti nies bħal Jason Micallef u Josef Caruana, persuni li jaħsbu li Malta kollox iswed u abjad, aħmar u blu, tajjeb jew ħażin, Laburist jew Nazzjonalist, u jew magħna jew kontra tagħna. 

More in Politika