Carmel Cacopardo | In-Nigret: iktar art agrikola għall-qerda

'Ma jagħmilx sens li niżviluppaw l-art agrikola. Dan mhux sempliċi argument oġġettivament favur il-ħarsien tar-raba’.  Hu ukoll meħtieġ li nħarsu l-pulmun madwar iz-zoni urbani u l-lokalitajiet'

Il-pjani lokali huma sebgħa. Huma supplimentati minn dak li nirreferu għalih bħala l-pjan ta’ razzjonalizzazzjoni dwar l-użu tal-art. Dan il-pjan jikkonsisti fl-identifikazzjoni ta’ art (dakinhar) barra miz-zona tal-iżvilupp (ODZ), fil-periferija taz-zoni urbani u dawk residenzjali li l-Parlament, fl-2006, iddeċieda li jħallihom ikunu żviluppati. B’kollox hemm madwar żewġ miljun metru kwadru ta’ art ODZ li fl-2006 ġew dikjarati tajba għall-iżvilupp. 

Il-Gvern immexxi mill-PN kien ippropona u eventwalment ivvota favur li din l-art ODZ tingħata għall-iżvilupp. L-Oppożizzjoni Laburista kienet ivvutat kontra l-proposta. Meta f’Marzu 2013 inbidel il-Gvern ma nbidel xejn. Minkejja li l-Labour fl-Oppozizzjoni kien ivvota kontra l-proposta, l-art ODZ baqgħet meqjusa tajba għall-iżvilupp: kull wieħed miż-żewġ miljun metru kwadru.  Għax, kif kien qalilna tant tajjeb Giuseppe Tomasi di Lampedusa f’ Il Gattopardo: iktar mal-affarijiet jidhru li inbidlu, iktar jibqgħu l-istess. Ta’ bilħaqq ir-rebgħa m’għandiex kulur! 

Illum, wara kważi 17-il sena, il-komunitajiet lokali tagħna qed jirrealizzaw xi tfisser id-deċiżjoni tal-Parlament. Flimkien ma sħabi dort Malta u Għawdex fuq bażi regolari niltaqa’ man-nies  biex niddiskuti l-impatt tal-iżvilupp esaġerat li qed jirriżulta: żvilupp li qed jiekol ir-raba’ b’rata mgħaġġla. Il-parti l-kbira tal-lokalitajiet huma effettwati. 

Il-ġimgħa l-oħra kien imiss lir-raba’ fin-Nigret, fil-periferija taż-Żurrieq, fejn iktar raba’ ser jagħmel il-wisa’ għall-iżvilupp. Ir-residenti irvellaw għax qed jirrealizzaw li 14,960 metru kwadru ta’ raba’ daqt tinqered, għax ser tingħata għall-iżvilupp. Daħlu żewġ applikazzjonijiet dwar dak li qed jiġi propost (PC85/18 and PC49/19). L-ewwel applikazzjoni ilha sena approvata waqt li t-tieni waħda ser tkun ikkunsidrata dalwaqt: fil-fatt id-Direttorat tal-Ippjanar fl-Awtorità tal-Ippjanar diġa kkonkluda r-rapport li jirrakkomanda li din l-applikazzjoni tkun approvata ukoll. 

Il-proċess tal-ippjanar dwar din l-applikazzjoni presentement ikun qed jeżamina x’tip ta’ żvilupp jista’ jkun permess, l-għoli kif ukoll id-densità tal-bini. Fil-prinċipju, iżda, l-iżvilupp ilu 17-il sena li ġie approvat. Sfortunatament, minkejja l-ħidma tal-partit li jiena immexxi kif ukoll il-ħidma tal-għaqdiet ambjentali, il-komunitajiet fiż-żoni residenzjali ma tantx taw kaz ta’ dak li kien għaddej minkejja li t-twissija kienet ċara għal kulħadd. Issa li t-theddida ta’ żvilupp distruttiva qegħda wara l-bieb ta’ diversi lokalitajiet bosta qed jirrealizzaw li kienu qed jgħadduhom biż-żmien. Bħal stembħu u irrealizzaw li ġew ittraduti minn dawk li kienu jafdaw b’għajnejhom magħluqa  billi l-ispazji miftuħa ta’ madwarna qed iħallhom jiġu żviluppati. 

Ma jagħmilx sens li niżviluppaw l-art agrikola. Dan mhux sempliċi argument oġġettivament favur il-ħarsien tar-raba’.  Hu ukoll meħtieġ li nħarsu l-pulmun madwar iz-zoni urbani u l-lokalitajiet. 

X’sens jagħmel li tvara nefqa ta’ €700 miljun, suppost biex tħaddar l-ambjent urban u mbagħad fl-istess ħin tħarbat ir-raba’ għammiela?  Project Green, jekk għandu jkun ta’ xi siwi għandu l-ewwel u qabel kollox iħares dak li għandna. Dan ma jgħoddx biss għall-għelieqi tan-Nigret li tul ix-xhur li ġejjin jinqerdu. Jgħodd għal kull rokna f’dawn il-gżejjer: jgħodd għal kull wieħed miż-żewġ miljun metru kwadru fl-ODZ li 17-il sena ilu, l-Parlament iddeċieda li jikkundanna għall-iżvilupp. 

Il-mistoqsija hi: jista’ jsir xi ħaġa? Mhux diġa tard wara 17-il sena? Jidher li hemm ftit possibiltajiet li nistgħu nesplora, avolja b’diffikultà. Forsi naslu, biex insalvaw il-ftit li baqa’: il-ftit li ħallew. 

More in Politika