Graziella Attard Previ | Is-Saħħa Sesswali — mill-kliem, meta se ngħaddu għall-fatti?

Graziella Attard Pravi hija l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet tat-Tfal 

Għalkemm forsi għal xi wħud is-saħħa sesswali hija materja privata, fil-verità bħal kull aspett ieħor ta’ saħħa jaffettwa, mhux biss il-persuni involuti, iżda wkoll jikkonċerna lill-bqija tas-soċjetà. Hawn min forsi jirraġuna li l-istat m’għandux għalfejn jipprovdi mediċini jew trattament għall-mard li jittieħed mis-sess, għax ‘dan iġibuh b’idejhom’ dawk li jkollhom x’jaqsmu ma’ xulxin. Dan huwa raġunament żbaljat għaliex is-sesswalità hija qasam importanti ħafna fil-ħajja tal-bniedem. Bl-istess argument, l-istat ma jgħinx lil min jimrad kaġun tat-tipjip, tax-xorb, tal-ikel żejjed jew żbaljat. F’soċjetà moderna l-aċċess għal informazzjoni korretta, għodod preventivi u trattament mediku hija responsabbiltà fundamentali tal-Gvern. 

Sfortunatament, f’Malta, il-wegħdiet politiċi dwar is-saħħa sesswali — b’mod partikolari dwar id-disponibbiltà tal-me  diċini preventivi kontra l-HIV bħall-PrEP u l-PEP — baqgħu qatt ma twettqu, u dan qiegħed ikompli jpoġġi lil persuni vulnerabbli f’riskju mhux meħtieġ. 

Il-PrEP u l-PEP huma mediċini pprovati fil-ġlieda kontra l-HIV. Il-PrEP hija pillola li tittieħed kuljum minn persuni negattivi għall-HIV biex jipproteġu ruħhom mill-infezzjoni, filwaqt li l-PEP tittieħed wara att sesswali riskjuż. Bosta studji kliniċi wrew li meta jintużaw kif suppost, iż-żewġ mediċini huma effettivi ħafna fil-prevenzjoni tat-trasmissjoni tal-HIV. 

Minkejja dawn l-avvanzi xjentifiċi, Malta ilha lura mill-bqija tal-pajjiżi Ewropej fir-rigward ta’ aċċess mifrux u ġust għal dawn il-mediċini. L-aċċess għall-PrEP f’Malta għadu limitat, u għal ħafna nies dan mhuwiex affordabbli għax jiswa wisq. Is-sitwazzjoni hija saħansitra agħar fir-rigward tal-PEP. Minkejja r-rwol kruċjali tagħha bħala intervent ta’ emerġenza (li għandu jintuża fi żmien 72 siegħa wara att sesswali riskjuż possibbilment b’ċans ta’ infezzjoni tal-HIV), id-disponibbiltà għadha diffiċli.  

Dan huwa falliment ċar ta’ governanza min-naħa tal-Gvern Laburista. Biex inpoġġu kollox f’kuntest, dan huwa l-istess Gvern li fil-qasam tas-saħħa ma ddejjaq xejn jonfoq 400 miljun lil Vitals u Stewards u li ħadd ma jaf eżattament x’sar minnhom. Il-Ministeru tas-Saħħa kellu biżżejjed żmien biex jintegra l-PrEP u l-PEP fis-servizzi nazzjonali tas-saħħa, speċjalment peress li dawn il-mediċini ilhom rikonoxxuti mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għal aktar minn għaxar snin. Xi xhur ilu, il-Gvern ippubblika Strateġija Nazzjonali ta’ saħħa sesswali li konna ilna tant nistennew. Iżda, għal darb’oħra, lil hinn mill-kliem sabiħ u iktar wegħdiet, ma seħħ xejn konkret. 

Il-konsegwenzi ta’ dan il-falliment huma reali. Malta qiegħda tirreġistra ħafna każijiet ġodda ta’ HIV kull sena. Barra minn hekk, l-istigma madwar is-saħħa sesswali — b’mod partikolari fil-komunitajiet LGBTIQ+ — tkompli tkun ostaklu għall-kura, u dan jiġi aggravat minn silenzju u nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern li suppost huwa liberali.  

F’dawn l-aħħar snin, riċerkaturi fil-qasam tas-saħħa sesswali bdew jesploraw ukoll l-użu ta’ DoxyPrEP u DoxyPEP. Dawn huma antibijotiċi li jistgħu jnaqqsu r-riskju ta’ ċertu mard li jittieħed mis-sess bħalm’huma l-klamidja u s-sifilide. Studju tal-2022 ippubblikat fin-New England Journal of Medicine wera riżultati promettenti fost irġiel li jkollhom sess ma’ rġiel (MSM) u nisa transgender fejn jidher li naqset b’mod sinifikanti l-inċidenza ta’ dawn l-infezzjonijiet. 

Għalkemm DoxyPrEP u DoxyPEP għadhom mediċini kontroversjali — minħabba t-tħassib dwar ir-reżistenza għall-antibijotiċi, Malta m’għandhiex tinjorahom u nħallu xi għoxrin sena oħra jgħaddu qabel nieħdu azzjoni. Is-sitwazzjoni f’dan il-qasam tant hija allarmanti li l-Gvern għandu jagħmel dak kollu possibbli biex jitnaqqas dan il-mard.  

Id-diskussjoni dwar is-saħħa sesswali trid titbiddel minn waħda ta’ konvenjenza politika għal waħda ta’ impenn tas-saħħa pubblika. Huwa inaċċettabbli li fl-2025, il-Gvern Laburista għadu jikkunsidra s-saħħa sesswali bħala qasam sekondarju. Il-gvern li jippretendi li huwa liberali għandu minnufih iwettaq il-wegħdiet elettorali.  Il-Partit Nazzjonalista ilu li ppubblika l-proposti tiegħu f’dan il-qasam.  

Dawn huma l-punti ewlenin: 

  1. L-aċċess għall-PrEP, PEP, u potenzjalment DoxyPrEP/PEP m’għandux ikun privileġġ għall-ftit, imma dritt garantit għal kulħadd. 

  1. II-klinika GU ssir faċilità li tilqa’ walk-ins, bl-estensjoni tal-ħinijiet tal-ftuħ tagħha (inklużi tmiem il-ġimgħa) biex tiġi garantita aċċessibilità ta’ 24 siegħa kuljum għall-PEP, u jiżdiedu l-professjonisti tas-saħħa f’dan il-qasam. Għandhom ukoll jinfetħu kliniċi oħra fil-komunità. 

  1. Isir proċess ta’ screening, speċjalment għal gruppi f’riskju għoli bħalma jsir għal ħafna mard jew kundizzjonijiet oħra. 

  1. Tiġi implimenta kampanja nazzjonali ta’ għarfien u prevenzjoni adattata għal gruppi ta’ etajiet, ġeneri u orjentazzjonijiet sesswali differenti. Għandha wkoll tiġi indirizzata r-reżistenza għall-antibijotiċi, speċjalment fir-rigward tal-gonorrea, permezz ta’ pjan ta’ azzjoni speċifiku. 

  1. Jiddaħħlu miżuri aktar progressivi u prattiċi li jistgħu jwasslu għal titjib fil-kwalità tas-servizzi u fl-għarfien pubbliku dwar prattiċi ta’ saħħa sesswali. Sfortunatament għad hawn wisq injoranza f’dan il-qasam. 

  1. Tiġi wkoll indirizzata l-kwistjoni ta’ saħħa mentali relatata mas-sesswalità bħalma hija d-dipendenza fuq il-pornografija u l-ossessjoni fuq is-sess. 

Spiċċa ż-żmien tal-kliem u l-wegħdiet sbieħ imma li jibqgħu miktuba f’xi ktejjeb ilellex. Is-soċjetà Maltija, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli jew f’riskju, għandhom bżonn azzjoni konkreta. Kull jum li jgħaddi mingħajr ma jsir xejn jew mingħajr ma jsir biżżejjed, huwa potenzjalment jum li fih persuna timrad jew tinfetta lil ħaddieħor bl-għawġ li dan iġib miegħu. 

More in Politika