Stanley Zammit | Il-PN b’viżjoni pożittiva għall-ippjanar: ġustizzja, parteċipazzjoni, u kwalità ta’ ħajja aħjar

Stanley Zammit huwa Inġinier u x-Shadow Minister għall-Ippjanar, il-Kostruzzjoni u l-Artijiet

Waqt li l-Gvern jaqla’ l-binarji, il-PN jippjana b’viżjoni u serjetà
Waqt li l-Gvern jaqla’ l-binarji, il-PN jippjana b’viżjoni u serjetà

 

Waqt li l-Gvern jaqla’ l-binarji, il-PN jippjana b’viżjoni u serjetà 

Il-Partit Nazzjonalista ilu snin jinsisti għal riforma ta’ vera fis-sistema tal-ippjanar, riforma ġusta, serja, u parteċipattiva li verament toħloq il-bilanċ meħtieġ bejn l-iżvilupp, il-ħarsien tal-ambjent, u l-kwalità tal-ħajja. 

Fl-aħħar tnax-il sena, Gvernijiet Laburisti, Prim Ministri, u Ministri differenti, qatlu l-evoluzzjoni tal-ippjanar f’Malta. Dan l-istaġnar intenzjonat fl-aġġornament tas-sistema tal-ippjanar, in-narrattiva kontinwa tal-Gvern dwar il-Local Plans u n-nuqqas serju ta’ ppjanar attiv waslu biex is-sistema li għandna llum tħares lura flok ’il quddiem. 

Id-diversi policies, l-aktar famużi fosthom ikunu id-Development Control Design Policy, Guidance and Standards 2015 (DC15) u dawk dwar l-għoli tal-bini f’pajjiżna, waslu sabiex żdiedet l-ambigwità, naqset iċ-ċertezza, iċċajpret it-trasparenza, inħonqot il-parteċipazzjoni u tnaqqret il-fiduċja fis-sistema tal-ippjanar li ma tirriflettix it-tibdiliet ekonomiċi, demografiċi, ambjentali u kulturali u hi bbażata fuq Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp li huwa skadut u Pjani Lokali li ilhom li saru kważi għoxrin sena. Illum, l-Awtorità tal-Ippjanar hija wisq aktar iffukata fuq il-permessi u kif se teħles mill-każijiet, milli fuq pjanar sostenibbli. 

L-abbozzi tal-Gvern: bidliet moħbija, mhux riforma 

Wara snin iwiegħed riforma fis-sistema tal-ippjanar, kien biss f’nofs dan is-sajf, malajr malajr, ftit jiem qabel ma l-Parlament jagħlaq għall-vaganzi u mingħajr l-ebda tip ta’ konsultazzjoni, il-Gvern ressaq żewġ abbozzi li jipproponu tibdiliet fundamentali fis-sistema tal-ippjanar ta’ pajjiżna li, jekk jiġu approvati, jistgħu jħallu konsegwenzi traġiċi fuq l-ambjent u fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll, inaqqru d-drittijiet taċ-ċittadin, jheddu l-istat tad-dritt, u jkomplu jnaqqsu t-trasparenza u l-kontabbiltà fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fl-ippjanar. 

L-abbozz ta’ liġi sabiex isiru tibdiliet fil-Liġi tal-Ippjanar jipproponi diregolamentazzjoni estensiva tas-sistema tal-ippjanar, inkluż l-introduzzjoni ta’ żviluppi bla permess, lanqas f’żoni barra miż-żona tal-iżvilupp, l-iskartar tal-ġerarkija tal-pjanijiet, u setgħat arbitrarji lill-Ministru u lill-bordijiet biex jabbandunaw il-politiki stabbiliti skont kif jaqblilhom ... u dan mingħajr ma jkun hemm ħtieġa ta’ konsultazzjoni, studji dwar l-impatti ambjentali, jew skrutinju parlamentari. 

Il-liġi li tressqet dwar it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT), minkejja l-miżura pożittiva u tant mistennija li tissospendi permessi waqt appell, idgħajjef ir-rwol tal-Qorti tal-Appell u jirriduċi l-awtonomija tal-Qorti għall-korp ta’ reviżjoni. 

Il-PN jemmen li din mhix riforma tal-ippjanar. Dawn huma numru ta’ tibdiliet moħbija intenzjonati sabiex jinħoloq u jiġi istituzzjonalizzat qafas ta’ eċċezzjonijiet permanenti. 

L-Awtorità tal-Ippjanar, mhux uffiċċju tal-permessi 

Wasal iż-żmien li l-Awtorità tal-Ippjanar tirritorna lejn il-funzjoni tagħha ewlenija, dak ta’ ppjanar strateġiku għall-ġid komuni. Dik li kellha tkun Awtorità b’viżjoni, b’poter ta’ ppjanar strateġiku għal ġenerazzjonijiet futuri, spiċċat tiffunzjona bħallikieku hija uffiċċju tal-permessi. 

Huwa għalhekk meħtieġ investiment immedjat u kontinwu fir-riżorsi umani, fl-għodod u fil-kapaċitajiet tagħha, biex tkun tista’ tmexxi pjanifikazzjoni serja f’kuntest ekonomiku, soċjali, u teknoloġiku li qed jinbidel b’pass mgħaġġel. 

Ir-riforma tas-sistema tal-ippjanar hija propjament waħda minn dawn l-għodod. 

Ippjanar għal żmienna: data, intelliġenza artifiċjali, u parteċipazzjoni 

B’reazzjoni għall-isfidi globali u l-obbligi internazzjonali ta’ Malta dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), il-Partit Nazzjonalista jemmen li għandna nibnu ekosistema ta’ ppjanar ġdida, immexxija mid-data, megħjuna b’intelliġenza artifiċjali (AI), u bbażata fuq kollaborazzjoni sħiħa u djalogu kontinwu mal-komunitajiet, mal-NGOs, mal-iżviluppaturi, mal-industriji varji u ma’ kull min huwa interessat jew milqut. 

L-AI hija għodda oħra neċessarja sabiex tiġi analizzata d-data, jingħarfu t-trends, jiġu identifikati l-anomaliji, u jiġu studjati xenarji differenti biex ikunu jistgħu jittieĦdu deċiżjonijiet informati. 

Il-proċess innifsu tal-applikazzjoni għall-iżvilupp għandu jinkludi proċess ta’ medjazzjoni u kjarifikazzjoni. B’dan il-proċess ta’ djalogu, immexxi minn persuna indipendenti, kull min huwa interessat — l-iżviluppatur, il-Kunsill Lokali, l-NGOs, il-konsulenti tal-Awtorità u oħrajn — ikunu jistgħu b’mod strutturat u ddokumentat jiltaqgħu u jiddiskutu dak li ma jkunux qed jaqblu dwaru u fejn hu possiBbli jikkonverġu għal soluzzjoni. B’dan mhux biss jitnaqqas iż-żmien tal-proċess tal-applikazzjoni, imma jitnaqqsu l-litigazzjonijiet u jitħaffef il-proċess tal-appell. 

Riforma mibnija mal-pubbliku, mhux minn wara dahru 

Wara l-pressjoni b’saħħitha tal-Partit Nazzjonalista u l-pressjoni qawwija mill-pubbliku, il-Ministru Clint Camilleri ġie mġiegħel jagħmel pass lura u stqarr pubblikament li l-Gvern ma ressaqx liġijiet biex jiġu approvati b’għaġla. Dan ukoll juri id-dgħufija tal-proposti mressqa. 

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li r-riforma trid tinbena mal-poplu u mhux minn wara dahru. Ir-riforma għandha tħares id-drittijiet tar-residenti, tagħti saħħa lill-kunsilli lokali u tippreserva l-integrità tal-komunitajiet tagħna speċjalment dawk sensittivi storikament u ambjentalment. 

L-approċċ tal-Gvern imur kontra dawn il-prinċipji.  

Malta għandha bżonn terġa’ tibni sistema soda u funzjonali ta’ ppjanar li tħares lejn il-futur b’mod ħolistiku u tipprovdi kwalità ta’ ħajja li hija aċċessibbli u sostenibbli. Dan jista’ jintlaħaq biss permezz ta’ policies komprensivi, koerenti, trasparenti u ġusti, mibnija fuq kompetenza b’saħħitha u fuq parteċipazzjoni ċivika wiesgħa, permezz ta’ proċessi simplifikati u ħafna aktar ċari. 

Huwa possibbli li jkollna żvilupp sostenibbli ta’ valur ogħla u b’anqas spejjeż — żvilupp li hu lest għall-futur, responsabbli, ta’ kwalità u li jħares l-ambjent u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħna. 

Fuq kollox, irridu sistema li tippjana; sistema li tibbilanċja l-bżonnijiet ekonomiċi mar-responsabbiltà ambjentali u l-ġid soċjali fit-tul. Sistema li taħdem, mhux biss għal min jiflaħ, imma għal kulħadd, b’mod ġust, u trasparenti. 

Lesti nikkontribwixxu, lesti mmexxu 

Il-Partit Nazzjonalista jħares lejn l-ippjanar bħala pedament ta’ politika pubblika serja; ippjanar li jfassal u li jantiċipa, u mhux biss reattiv għall-kriżjiet li nħolqu mill-istess sistema. 

Il-Partit Nazzjonalista għalhekk jerġa’ jappella biex jiġu rtirati l-emendi proposti u biex jinbeda proċess ta’ konsultazzjoni nazzjonali serju. Aħna lesti nagħtu l-kontribut tagħna f’din ir-riforma.   

Malta għandha bżonn rinaxximent fl-ippjanar — ippjanar li jagħmel minn Malta post aħjar fejn ngħixu. 

More in Politika