
Editorjal | Għaliex il-ħatra ta’ Edward Scicluna hija żball
M’hemmx loġika.

Edward Scicluna sa ftit snin ilu kien Membru Parlamentari fil-Parlament Ewropew, Ministru tal-Finanzi, u sa ftit ġranet ilu Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Kien issospenda lilu nnifsu meta kien imressaq fuq korruzzjoni wara l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella. Scicluna kien irriżenja wara pressjoni mingħand Robert Abela. Dak kien sena ilu, u mid-dehra, kif rajna, Abela għandu ottika differenti għal meta u kif għandu jkun hemm riżenji. Tant hu hekk, li persuni kienu sospiżi minħabba l-fatt li kienu għaddejjin proċeduri kriminali kontrihom.
Wara li ra x’ġara fil-każ ta’ Kurt Buhagiar, ix-xufier ta’ Robert Vella tal-Awtorità tal-Lands, u l-persuna mressqa kriminalment il-Qorti b’konnessjoni mal-qtil involontarju ta’ Jean Paul Sofia, jidher li Scicluna reġa’ qajjem rixu.
Scicluna kien il-wiċċ li Muscat mexxa ’l quddiem flimkien mal-wiċċ ta’ Louis Grech biex jagħtu xebh ta’ moderazzjoni għall-Partit Laburista. Infatti ħadmet sew imma t-tnejn li huma ma jibqgħux imfakkrin għax-xogħol tagħhom. Kien iktar show milli kontenut.
Scicluna reġa’ ġie maħtur għax jidher li għamel pressjoni. B’differenza mill-esponent politiku l-ieħor Chris Fearne, Scicluna hu iktar interessat fil-prestiġju u s-salarju milli dak li hu sewwa.
U dak li hu sewwa, minkejja li nemmnu li Scicluna mhuwiex kolpevoli għall-akkużi f’dan il-każ, persuna li tkun qed taffaċċja proċeduri kriminali titlob li dik il-persuna tirtira mill-funzjonijiet pubbliċi u ma tibqax tidher.
Dan fehmu Abela sen’ilu, imma mbagħad qisu nesa x’kien qal u beda jargumenta li aħjar jidħlu lura għax-xogħol.
Issa li jonqos hu li dak is-suldat li kien fis-sakra, isuq mingħajr insurance u li qatel persuna waqt li kien qed isuq jiddaħħal lura għax-xogħol.
M’hemmx loġika.
Edward Scicluna, fl-età tiegħu, messu kellu iktar sens. Ħa jibqa’ mfakkar talli ma kellux id-diċenza u d-dinjità li jagħmel dak li hu sew. U l-Gvern, minflok ma fetaħlu għajnejh, appoġġjah u tah is-sostenn.
Għarukuża.